“Inkjesta farsa biex tagħmel cover-up” – PN

Il-Partit Nazzjonalista ddeskriva l-inkjesta li saret dwar l-indħil ta' żewġ Ministru f'każ ta' traffikar tad-droga f'Għawdex bħala "farsa mill-bidu sal-aħħar" u saħaq li din "saret biex taħbi u tagħmel cover-up tal-verità."
Dan qalu l-Viċi-Kap tal-PN Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet, li kienet indirizzata wkoll mill-kelliema għall-Ambjent Marthese Portelli u mill-kandidata Simone Aquilina.
Beppe Fenech Adami sostna li r-rapport ippubblikat jikkonferma dak li dejjem qal il-Kap tal-PN Simon Busuttil, jiġifieri li l-inkjesta hi biss 'whitewash'. Sostna li l-inkjesta ma kinitx intiża biex issib il-verità, iżda magħmula biss biex taħbi l-verità u tgħid li ma kien hemm ebda indħil politiku, li hu "dak li ried jisma' u dak li ried jippubblika l-Prim Ministru."
"Beppe Fenech Adami ma jistħix jagħmel din il-konferenza tal-aħbarijiet" – PL
B'reazzjoni, il-Partit Laburista sostna li Beppe Fenech Adami, li fuqu inkjesta sabet li twaqqfu investigazzjonijiet fuq ħasil ta' flus ġejjin mid-droga meta tfaċċa ismu, ma jistħix jagħmel konferenza fuq l-inkjesta konkluża fuq dan il-każ.