Inkjesta Egrant: Tat-tħassib li Muscat biss għandu kopja – attivisti

L-attivisti tal-grupp #OccupyJustice qalu li l-fatt li l-Avukat Ġeneral għażel li jagħti kopja tar-rapport tal-inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant lill-Prim Ministru Joseph Muscat biss hi ħaġa li tħassibhom.

Fi stqarrija, l-attivisti qalu li l-aġir tal-Avukat Ġenerali juri mill-ġdid in-nuqqas ta’ trasparenza u n-nuqqas t’indipendenza tal-istituzzjonijet Maltin.

“Il-Prim Ministru ddikjara li d-dokument għandu jkun pubblikat – il-fatt li l-Avukat Ġenerali irrifjuta juri li qed jittella’ teatrin miftihem minn qabel u orkestrat mill-qaqoċċa ta Kastilja.”

Skont l-attivisti, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għaġġel biex laħaq konklużjonijiet qabel ma qara r-rapport kollu. Qalu li dan juri li Malta qed issir stat b’partit wieħed.

Il-grupp tenna s-sejħa tiegħu għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali.

L-Avukat Ġenerali Peter Grech ħabbar li se jżomm sigriet ir-rapport sħiħ dwar l-inkjesta Egrant, kemm mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kif ukoll mill-poplu Malti. L-Avukat Ġenerali ddeċieda li hu l-Prim Ministru biss li għandu jkollu kopja sħiħa tar-rapport.

Il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat qal li għadu bl-intenzjoni li jippubblika r-rapport tal-inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant malajr kemm jista’ jkun.