Inkjesta Egrant: “Suspett dwar min kien wara l-allegazzjoni”

PL

Il-Mexxej Laburista u Prim Ministru Joseph Muscat qal li għandu ħsieb dwar min seta’ kien wara l-allegazzjonijiet li l-kumpanija Egrant fil-Panama kienet ta’ martu Michelle.

Waqt intervista li xxandret fuq ONE TV, Dr Muscat qal li jaf x’seta’ kien l-iskop, iżda insista li se jżomm il-ħsieb għalih.

“Busuttil kien jaf x’se jiġri bil-ġurnata u l-ħin”

Għadda biex jgħid li l-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil “kien jaf eżatt x’se jiġri bil-ġurnata u l-ħin”. Qal kif ftit tal-ġimgħat qabel ma ħarġu l-konklużjonijiet tar-rapport tal-inkjesta maġisterjali dwar Egrant, Busuttil kien qed jgħid lin-nies li għandu karti li juru li l-kumpanija hija ta’ Michelle Muscat u li se joħorġu x’ħin ikun il-waqt.

“Ir-raġel kien jaf eżatt x’ħa jiġri. Kien privy tal-informazzjoni. Kien attakk koordinat u hu kien parti mill-koordinazzjoni. Minn filgħodu sar xogħol biex jiġu segwiti nies bil-kameras. Kien hemm koordinazzjoni sħiħa u totali li tistennieha minn xi ħadd li qed jipprova jagħmel xi ħaġa gravi”, żied jgħid il-Mexxej Laburista.

Dwar id-deċiżjoni ta’ Simon Busuttil biex ma jirriżenjax, Muscat qal li qatt ma kellu xi dubji li Busuttil ma kienx se jirreżenja mill-ewwel.

“Għadni ma qrajtx ir-rapport sħiħ”

Dr Muscat qal li għadu ma qarax ir-rapport sħiħ iżda straħ fuq il-pariri tal-avukati tiegħu. Żied jgħid li għadu mhux lest li jaqra r-rapport mingħajr ma jkun irrabjat.

Muscat qal li kien mentalment ippreparat li jirreżenja l-Ħadd li għadda li kieku kien hemm xi tip ta’ ambigwità fil-konfront tiegħu.

Irrimarka kif baqa’ impressjonat bid-dettall li bih mexa l-Maġistrat. “Sa ftit tal-minuti qabel il-pubblikazzjoni tal-inkjesta kien hemm min qed jipprova jimmina l-inkjesta bil-kwistjoni tal-bagalji. Il-Maġistrat daħal fiha”.

Muscat stqarr li l-konklużjonijiet tal-Maġistrat huma ċari u ma jistgħux jiġu interpretati b’modi differenti.

“Xi ħadd poġġa bilqiegħda u ffalsifika dokumenti”

“Il-konklużjoni ewlenija mhix li jien jew marti m’għandniex rabtiet mal-kumpanija imma għalija, li xxukkjat lin-nies hi li l-karti li ġew ippreżentati kienu ffalsifikati. Xi ħadd poġġa bilqiegħda u ffalsifika dokumenti”.

Muscat qal li ma jistax jieħu l-liġi f’idejh u li l-ġustizzja trid issir mill-istituzzjonijiet.  Semma li għalkemm kien hemm min qal li l-Maġistrat dam iżżejjed, meta tara x’għamel ma tantx dam. “Ġab informazzjoni minn pajjiżi oħra. Kull rapport li kellu iċċekkja dwaru darbtejn. Kienet effiċjenti s-sistema tal-Maġistrat”.

Filwaqt li qal li din hija l-ewwel darba li mhux qed jaqbel mal-parir tal-Avukat Ġenerali, insista li se jkun qed jippubblika r-rapport.

Muscat tkellem ukoll kif il-każ Egrant weġġa’ lill-familja tiegħu. Qal li kien spjega lit-tfal tiegħu kif għandhom iwieġbu fl-iskola jekk xi ħadd jgħidilhom xi ħaġa dwar l-allegazzjonijiet.

“Sejjaħt elezzjoni għax lil tal-ħwienet naqsilhom ix-xogħol”

Muscat qal li fl-2017 ma kienx hemm triq oħra ħlief li tissejjaħ elezzjoni ġenerali. Qal li ħa d-deċiżjoni finali biex isejjaħha wara li ċempel lis-sidien ta’ xi ħwienet li qalulu li kien naqas ix-xogħol.