Inkjesta Egrant: Scicluna, Cardona u Mizzi jiċħdu li għandhom aċċess għar-rapport sħiħ

Read in English.

Il-Ministri Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi ċaħdu li għandhom aċċess għar-rapport finali u sħiħ tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar l-inkjesta Egrant.

F’sensiela ta’ mistoqsijiet parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, it-tliet Ministri taw risposta identika li kontra dak li fi kliemhom kien qed jinsinwa l-interpellant, huma m’għandhom l-ebda aċċess għar-rapport finali sħiħ tal-inkjesta Egrant.

Azzopardi staqsa lill-Ministri jispjegaw b’liema jedd huma għandhom aċċess għar-rapport finali tal-inkjesta li s’issa mhux pubbliku.

Fil-Parlament aktar kmieni dan ix-xahar, Azzopardi għamel numru ta’ mistoqsijiet supplimentari dwar dan is-suġġett.

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi  kien staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi kif il-Ministri Chris Cardona, Konrad Mizzi u Edward Scicluna għandhom aċċess għar-rapport sħiħ tal-inkjesta Egrant.

Dr Azzopardi qal li dawn il-Ministri kkwotaw fil-qrati partijiet mir-rapport li mhumiex pubbliċi. Il-Ministru Bonniċi appella għar-rieda tajba min-naħa tal-Oppożizzjoni biex il-ġudikanti jitħallew jagħmlu xogħolhom b’serenità. Żied jgħid li l-Qorti diġà ċaħdet it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jingħata kopja tar-rapport tal-inkjesta.

Għal mistoqsija supplementari u fil-preżenza tal-Ministru Scicluna nnifsu, Azzopardi insista għal tweġiba dwar kif dawn il-ministri għandhom aċċess għar-rapport li ġie mċaħħad minnu l-poplu.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia kien qal li din hija mistoqsija ripetuta u li ma tistax tibqa’ ssir. Il-Ministru Bonnici qal li l-avukati li huma parti mill-kawża għandhom aċċess għall-atti u allura d-deputati jistgħu jużaw l-informazzjoni li jakkwistaw permezz tal-avukati tagħhom.