Pilatus Bank qal li l-konklużjonijiet tar-rapport tal-inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant juru l-innoċenza tal-bank.
Fi stqarrija, il-bank qal li l-konklużjonijiet jixfu l-mekkaniżmi politiċi li kissru l-Bank.
“L-iskoperti tal-inkjesta juru n-natura falza u malizzjuża tal-kampanja kontra l-bank, orkestrata mill-politiċi lokali u sfruttata mill-midja, u juru l-ġudizzju mgħaġġel tar-regolaturi Maltin.”
Skont il-bank l-aġir tal-Awtorità Maltija tas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) kienu jmorru ‘l bogħod mill-irwol legali tal-awtorità. Żied jgħid li l-MFSA ħadet il-passi li ħadet mingħajr ma tat każ l-interessi tal-bank u ta’ dawk li għandhom kont miegħu.
Il-bank qal li din il-kampanja kontrih bdiet għaliex kien immexxi minn negozjant mill-Iran li l-politiċi razzisti Maltin riedu jarawh ifalli. Żiedu jgħidu li persuni li jaħdmu mar-regolaturi Maltin kixfu informazzjoni kunfidenzjali dwar il-bank biex jattakkawh.
Il-bank akkuża lill-midja lokali u internazzjoniali talli xerrdu aħbarijiet foloz dwaru.
Il-bank iddeskriva lilu nnifsu bħala wieħed mill-aktar banek li għamlu success fl-Ewropa.
Il-bank qal li se jkun qed jevalwa x’azzjoni legali jista’ jieħu. Temm jgħid li se jkun qed joħroġ aktar stqarrijiet fil-jiem li ġejjin.
Il-Ħadd li għadda l-Avukat Ġenerali ppubblika l-konklużjonijiet prinċipali tal-inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant fil-Panama.
Il-Maġistrat Aaron Bugeja qal fir-rapport tiegħu li ma hemm xejn li jorbot lil Michelle Muscat, il-mara tal-Prim Ministru, mal-kumpanija Egrant.
Il-qraba tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia qalu li l-inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant għadha ma sabitx min hu s-sid veru tagħha.