Inkjesta Egrant: Pierre Portelli jissejjaħ mill-Pulizija

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia dalgħodu żvela li l-Kap tal-Midja tal-Partit Nazzjonalista Pierre Portelli ssejjaħ ukoll biex jiġi interrogat mill-Pulizija dwar l-Inkjesta Egrant.

Portelli, kif kien żvela Newsbook.com.mt, kien xehed quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja qabel l-elezzjoni tal-2017. Dakinhar Portelli, li kien direttur ta’ The Malta Independent, kien ta kopja lill-Maġistrat ta’ dik meqjusa bħala declaration of trust tal-kumpanija Egrant fil-Panama.

Skont il-MaltaToday, Portelli ġie interrogat mill-Pulizija nhar it-Tlieta li għadda.  Mistoqsi mill-istess gazzetta dwar jekk hux se jieħu azzjoni kontrih, Dr Delia stqarr li s’issa ma jidhirx li Portelli qed jiġi investigat.

Fil-jiem li għaddew, b’reazzjoni għar-rapporti li kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru semma l-possibilità li tittieħed azzjoni kriminali kontra nies li jissemmew fl-inkjesta, il-Membru Parlamentari għall-Oppożizzjoni Karol Aquilina qal li jekk tittieħed azzjoni kriminali kontra Pierre Portelli, dan ikun każ ċar ta’ frame-up.

Mill-konklużjonijiet prinċipali tal-Inkjesta Egrant li ġew ippubblikati u li jammontaw biss għal 3% tal-inkjesta sħiħa, irriżulta li ma kienx hemm rabtiet bejn il-familja tal-Prim Ministru u l-kumpanija Egrant.

Dwar din l-inkjesta, ilbieraħ ġie interrogat mill-Pulizija għal tliet sigħat, l-eks uffiċjal tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus Jonathan Ferris.

Dalgħodu, f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Qorti, Dr Delia ħabbar li fetaħ kawża quddiem il-Qorti Ċivili biex jordna lill-Avukat Ġenerali biex jagħtih kopja tar-rapport sħiħ tal-inkjesta.