Inkjesta Egrant: “Nixtieq nara x’wassal għall-konklużjonijiet”

“Jiena interessat ħafna li nara kif il-Maġistrat Aaron Bugeja wasal għall-konklużjonijiet tiegħu li ġew ippubblikati. Interessat ukoll inkun naf kif intgħażlet il-kumpanija forensika li fil-fatt intgħażlet”.

Dawn kienu wħud mill-kummenti li Carlo Bonini, editur mal-gazzetta prestiġġjuża La Repubblica u wieħed mill-ġurnalisti investigattivi ta’ The Daphne Project għamel waqt intervista esklussiva ma’ Newsbook.com.mt.

L-editur saħaq li l-inkjesta tpoġġiet f’narrativa bħal donnu issa ntemm kollox hekk kif fl-inkjesta ma nstabet l-ebda prova li torbot il-kumpanija Egrant mal-Prim Ministru u lil martu. Huwa qal li għal kuntrarju ta’ dan għad hemm ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba u li għad hemm post għal aktar ġurnaliżmu investigattiv.

Dan il-punt Bonini għamlu anke fl-ewwel parti tal-intervista esklussiva li diġà kienet ippubblikata fi Newsbook.com.mt.

Huwa qal li din in-narrattiva (li għaliha irreferajna fil-paragrafu preċedenti) issaħħet anke bil-mod kif il-Prim Ministru ta l-aħbar.

“Aktar minn konferenza tal-aħbarijiet, dak li ġara l-Ħadd 22 ta’ Lulju kien aktar qisu xandira lin-nazzjon. Dan kien enfasizzat għax kellek lill-Prim Ministru imdawwar bil-Ministri kollha tal-kabinett”.

Żied jgħid li l-format li ntuża saħħaħ l-argument li issa qisu kollox intemm u maħfur. Huwa żied jgħid li bħala ġurnalist  ħassu skomdu bil-mod kif tħabbru l-konklużjonijiet f’din il-konferenza tal-aħbarijiet.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet li l-Prim Ministru għamel f’Kastilja hu mhux biss ħabbar u kkummenta dwar il-konklużjonijiet prinċipali, iżda talab għar-riżenja tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni u Partit Nazzjonalista Dr Simon Busuttil.  Wara, l-konferenza, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Adrian Delia, għamel konferenza tal-aħbarijiet qasira, fejn laqa’ l-konklużjonijiet prinċipali u wkoll talab lil Busuttil biex jissospendi ruħu mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, ħaġa li issa m’għadux jitlobha wara ftehim li ntlaħaq ma’ Busuttil. Huwa neħħielu d-dekasteru tal-governanza tajba u ħadu hu b’mod immedjat.

Bonini rrimarka kif it-talba ta’ Muscat ittieħdet minn Delia, jiddeskriviha bħala kważi projbizzjoni ta’ Busuttil mill-ħajja pubblika.

Bonini rrefera wkoll għat-titjira li saret lejn Baku, fl-Ażerbajġan u baqgħet sejra lejn Dubaj. Din it-titjira saret ftit sigħat wara li l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li għandha informazzjoni li Egrant hija ta’ Michelle Muscat u wara li s-sid ta’ Pilatus Bank Ali Sadr Hasheminejad flimkien ma’ Antoniella Gauci dehru ħerġin mill-Bank u Sadr kien qed iġorr żewġ bagalji.

Huwa qal li minkejja li l-imejls dwar din it-titjira huma datati erba’ xhur wara li seħħet il-Maġistrat xorta wasal għall-konklużjoni li din ma kienet titjira misterjuża xejn. Fil-konklużjonijiet prinċipali hemm spjegazzjoni dettaljata dwar it-titjira li telqet minn Malta. Bonini qal  li r-rapport sħiħ jista’ jgħin biex jifhem l-għala l-Maġistrat ikkonkluda kif ikkonkluda.

Carlo Bonnini kiteb id-dokumentarju dwar l-assassinju tal-ġurnalista Caruana Galizia flimkien mal-ġurnalisti Giuliano Foschini, Emilio Fabio Torsello u Diana Ligorio. Fid-dokumentarju jidhru diversi nies fosthom l-Ewroparlamentari u l-Kap tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista David Casa, il-whistleblower Maria Efimova, u l-ġurnalisti Caroline Muscat u Manuel Delia. Il-film kien intwera darba f’Malta erba’ xhur ilu.