Aġġornata: Inkjesta Egrant: Muscat mitlub jixhed fil-każ li fetaħ Delia

Egrant Muscat mitlub jixhed każ Delia

L-avukati tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia talbu biex jixhed il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat fil-kawża li Delia kien fetaħ biex jingħata kopja sħiħa tar-rapport tal-inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li llum fil-Qorti l-Avukat Ġenerali pprova jtawwal il-proċeduri biex jibqa’ ma jagħtix l-inkjesta sħiħa tal-Maġistrat Aaron Bugeja lill-Kap tal-Oppożizzjoni. Fi kliem il-PN dan juri kemm l-Avukat Ġenerali qed ikompli jiżbilanċja ruħu favur il-Gvern u li ried li din il-kawża tittawwal u ddum inutilment.

Il-Qorti kienet laqgħet it-talba ta’ Delia biex ir-rikors kostituzzjonali li ressaq jinstema’ fil-Qorti b’urġenza. F’konferenza tal-aħbarijiet il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien ħabbar li kien fetaħ kawża biex jordna lill-Avukat Ġenerali biex jagħtih kopja tar-rapport sħiħ tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-kumpanija Egrant.

Skont il-PN, l-Avukat Ġenerali qed jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu u żbilanċja ruħu b’mod sfaċċat favur il-Gvern. Il-partit qal li d-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li ma jagħtix kopja sħiħa tal-inkjesta lill-Kap tal-Oppożizzjoni tmur ukoll kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta u kontra l-Konvenzjoni Ewropea. Il-Partit Laburista kien qal li Delia ddikjara hu stess li l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant huma ċari u li fil-proċess, li l-Prim Ministru impenjat li jippubblika, m’hemm xejn li jista’ jibdel dawn il-konklużjonijiet.

Il-kawża se tkompli fil-5 ta’ Settembru fl-10 am fejn se jkun qed jixhed Delia.

Delia qed itawwal il-proċess – PL

F’risposta għal dan, il-Partit Laburista qal li l-Qorti tat għażla lil Adrian Delia biex jippreżenta lista ta’ xhieda fi żmien 24 siegħa. Il-partit żied jgħid li Delia ma kienx preparat u talab għal 48 ċans. Fi kliem il-PL, “bil-wiċċ tost kollu wara li għamel hekk ħareġ jattakka lil ħaddieħor li ried itawwal.” Skont il-PL, il-Prim Ministru hu impenjat  li jippubblika r-rapport b’mod sħiħ b’mod li ma jtellifx l-investigazzjonijiet.