Inkjesta Egrant: L-uċuħ ta’ Jacqueline Alexander

L-impjegata tal-Mossack Fonseca, Jacqueline Alexander, li qalet li l-firma li hemm fuq id-Declaration of Trust tal-kumpanija Egrant fil-Panama mhix tagħha, issa sabet ruħha parti mill-istorja legali ta’ Malta.

Alexander hi involuta f’madwar 17,500 kumpanija li ġew imwaqqfa fil-Panama minn Mossack Fonseca.

Wara li ġew ippubblikati 3% tar-rapport tal-inkjesta dwar it-tielet kumpanija fil-Panama ġie konkluż li ma nstabet l-ebda evidenza li torbot lill-Prim Ministru jew membru tal-familja tiegħu ma’ din il-kumpanija.

F’ittra, Alexander qalet li l-firma fuq din id-dikjarazzjoni mhix tagħha.

Il-firma kienet annalizzata minn Elisabeth Briggs mill-kumpanija tal-forensika fl-Ingliterra, Key Forensic Services, li kkonkludiet li l-firma fuq id-dikjarazzjoni ma taqbilx mal-firma oriġinali ta’ Alexander. Dan kollu wassal biex il-Maġistrat Bugeja jasal għall-konklużjoni li “għalhekk huma dokumenti foloz, magħmula minn xi ħadd li f’dan l-istadju għadu mhux magħruf”.

Min hi Jacqueline Alexander?

F’Ġunju 2017 il-Qorti Speċjali fil-Panama ċaħdet il-ħelsien mill-arrest ta’ Alexander f’każ fejn hi kienet qed tiġi investigata dwar ħasil tal-flus.

Fil-11 ta’ Settembru 2015, Alexander ġeddet il-prokura ġenerali ta’ negozjant Brażiljan li kien ilu mejjet iktar minn sena.

Il-ġurnal Toronto Star jsemmi li Alexander li kienet involuta f’dak li huma sejħulhom The Canada Papers fejn inħolqot sistema bl-imejls foloz li kienu jindikaw li flus negozjant Awstraljan waslu fil-Kanada meta fil-verità kienu qed imorru dritt fil-kont tiegħu fl-Iżvizzera. Id-dokumentazzjoni tal-kont bankarju jidher li fiż-żmien li suppost kienu qed jgħaddu eluf minn kumpanija fiċ-Ċilì għall-kumpanija fil-Kanada fil-verità ma kien qed jgħaddi xejn.

Min huma Mossack Fonseca?

Wara li ġew ippubblikati d-dokumenti magħrufa bħala l-Panama Papers mill-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi ħareġ li l-kumpanija kienet tintuża minn diversi nies biex jaħbu l-attività finanzjarja tagħhom mill-awtoritajiet tal-pajjiżi rispettivi. Il-Panama ma tikkollaborax wisq mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi oħra billi ma tipprovdix informazzjoni meta tiġi mitluba.

Investigazzjoni mill-ġurnalisti Franċiżi turi impjegata tal-Mossack Fonseca li bħal Alexander kienet involuta f’diversi kumpaniji, u ddokumentat f’diversi rapporti kif Mossack Fonseca kienu jimpjegaw diversi persuni li kienu jidhru bħala nominee directors u jaħbu l-vera identità tad-diretturi u shareholders propja. Kien ukoll iddokumentat il-mod kif Mossack Fonesca kienet topera billi tħejji dokumenti vojta u bla dati li kienu jingħataw il-klijenti biex dawn jimlewhom iktar tard.

Il-ġurnalist tal-Australian Financial Review, Neil Chenoweth fi tweet kien kiteb li Alexander kellha $60 miljun f’assi mhux iddokumentati f’isimha.