Inkjesta Egrant: L-AĠ kontra li r-rikors ta’ Delia jinstema’ b’urġenza

L-Avukat Ġenerali ma jridx li l-Qorti tiddeċiedi b’urġenza r-rikors kostituzzjonali li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex jingħata kopja sħiħa tar-rapport dwar l-inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant skont il-Partit Nazzjonalista (PN).

Fi stqarrija l-PN qal li jekk il-Qorti tagħti raġun lill-Oppożizzjoni jkun intilef ħafna aktar żmien li qatt ma jista’ jiġi rkuprat. “L-Avukat Ġenerali jrid li jiddeċiedi kollox hu iżda mhu qatt lest jerfa’ r-responsabbilità meta jonqos” saħaq il-PN.

Skont il-PN, l-Avukat Ġenerali qed jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu u żbilanċja ruħu b’mod sfaċċat favur il-Gvern. Il-partit qal li d-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li ma jagħtix kopja sħiħa tal-inkjesta lill-Kap tal-Oppożizzjoni tmur ukoll kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta u kontra l-Konvenzjoni Ewropea.

Reazzjoni tal-PL

Fi stqarrija il-Partit Laburista qal li Delia ddikjara hu stess li l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant huma ċari u li fil-proċess, li l-Prim Ministru impenjat li jippubblika, m’hemm xejn li jista’ jibdel dawn il-konklużjonijiet.

Skont il-PL, “Delia għandu jifhem li l-attakki fuq l-Avukat Ġenerali ma jtuhx kontroll tal-partit iżda jgħinu biss biex ikompli jinħakem minn ta’ qablu għax jidher bħalu.”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, wara l-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet prinċipali tal-inkjesta fuq il-każ tal-kumpanija Egrant, imwettqa mill-Maġistrat Aaron Bugeja. 

L-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant ma rnexxiliex tistabbilixxi jekk il-kontijiet inkwistjoni u dawk miżmuma mill-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri kellhomx bearer jew xi kont ieħor fl-Emirati Għarab Magħquda (UAE).

L-Avukat Ġenerali Peter Grech ħabbar li se jżomm sigriet ir-rapport sħiħ dwar l-inkjesta Egrant, kemm mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kif ukoll mill-poplu Malti. L-Avukat Ġenerali ddeċieda li hu l-Prim Ministru biss li għandu jkollu kopja sħiħa tar-rapport.