Inkjesta Egrant: L-AĠ jgħaddi kopja lill-Ministru Bonnici

Kopja tal-injesta dwar l-Egrant ingħatat lill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici minkejja li l-Kap tal-Oppiżizzjoni qed jiġi rrifjutat li jingħata kopja. Dan qalu l-Avukat Ġenerali Peter Grech innifsu waqt li xehed fil-Qorti llum quddiem l-Imħallef Robert Mangion.

Hu ġie interrogant mill-avukat difensur tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li qed jitlob kopja tal-inkjesta tal-Avukat Ġenerali dwar il-kumpanija sigrieta fil-Panama bl-isem ta’ Egrant. L-inkjesta kienet infetħet sabiex jinstab jekk is-sid hux vera kienet mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat.

L-Avukat Ġenerali spjega li għadda l-inkjesta lill-Ministru Bonnici permezz ta’ imejl vojt, li fih kellu biss anness ir-rapport. Hu qal ukoll li kien irċieva ittra mingħand l-avukat tal-Prim Ministru jitolbu sabiex jippubblika r-rapport sħiħ. Madanakollu, l-Avukat Ġenerali ddeċieda li ma jagħmilx dan hekk kif kien hemm bżonn li l-inkjesta tinqara b’reqqa qabel ma tittieħed din it-tip ta’ deċiżjoni. Sostna li l-ippublikar tagħha jista’ jiżvela informazzjoni bankarja ta’ terzi li m’humiex fil-pubbliku.

Waqt is-smigħ, l-Avukat Ġenerali sostna li l-unika raġuni għaliex għadda kopja lill-Ministru Bonnici kien minħabba l-fatt li hu avukat u li qed jassisti lill-Prim Ministru fl-analiżi tal-istess inkjesta. L-avukat tad-difiża staqsa jekk il-Ministru għall-Ġustizzja hux avukat tal-Prim Ministru. Hu wieġeb li jinsab mgħarraf li qed jassistih bl-analiżi tal-inkjesta.

L-Avukat Ġenerali insista li f’Lulju kien għamilha ċara li r-rapport tal-inkjesta ma kienx se jiġi ppubblikat sħiħ, minkejja li kienu bosta li talbuh kopja tal-inkjesta. Din id-deċiżjoni ħadha sabiex jipproteġi informazzjoni bankarja ta’ persuni li lanqas biss għandhom x’jaqsmu mal-każ. Irrimarka li hemm bżonn li ċerti partijiet tal-injesta jiġu investigati f’aktar dettall u għaldaqstant l-ippubblikar tagħha jista’ jaffetwa investigazzjonijiet futuri.

Meta mistoqsi jekk il-konklużjoni tal-inkjesta ġietx ippubblikata sħiħa, l-Avukat Ġenerali sostna li l-konklużjonijiet prinċipali ġew ippubblikati sħaħ.

Il-każ se jkompli jinstema’ fid-9 ta’ Ottubru.

Ministru m’għandux jibqa’ jipprattika l-professjoni tiegħu – PN

Il-PN qal li ministru m’għandux jibqa’ jipprattika l-professjoni tiegħu.

Fi stqarrija, il-PN qal li l-Avukat Ġenerali ammetta fil-Qorti li għadda kopja elettronika tal-inkjesta lill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici. “Huwa qal li għamel dan għaliex fi kliemu l-Ministru tal-Ġustizzja kien wieħed mill-avukati tal-Prim Ministru” qal il-PN.

Skont il-PN l-Avukat Ġenerali qal li m’għaddiex kopja tal-inkjesta lill-Kap tal-Oppożizzjoni għaliex ma kienx se jħalliha ‘fil-kexxun’. Il-PN temm jgħid li “l-fehma tal-Avukat Ġenerali, li l-Ministru għall-Ġustizzja huwa avukat tal-Prim Ministru għandha implikazzjonijiet politiċi kbar.”