Inkjesta Egrant: L-AĠ iżomm ir-rapport sigriet; Delia jmur il-Qorti

L-Avukat Ġenerali Peter Grech ħabbar li se jżomm sigriet ir-rapport sħiħ dwar l-inkjesta Egrant, kemm mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kif ukoll mill-poplu Malti. L-Avukat Ġenerali ddeċieda li hu l-Prim Ministru biss li għandu jkollu kopja sħiħa tar-rapport.

Dan wassal għal reazzjoni immedjata minn Adrian Delia fuq twitter, fejn qal li se jiftaħ proċeduri legali, “wara d-deċiżjoni inspjegabbli u żbilanċjata tal-Avukat Ġenerali, li jċaħħad lill-Oppożizzjoni mir-rapport sħiħ tal-inkjesta”.  Saħaq li l-interess nazzjonali huwa l-ewwel u qabel kollox.

Following AGs inexplicable and biased decision to deprive the opposition from having the full report of the Bugeja’s inquiry I shall be immediately filing court proceedings. #nationalinterest first.

Nhar il-Ħadd li għadda l-Avukat Ġenerali ppubblika biss il-konklużjonijiet tar-rapport ftit minuti qabel mal-Prim Ministru Joseph Muscat beda l-konferenza tal-aħbarijiet biex jikkummenta fuq rapport li kien ilu diġà għandu.

Fi stqarrija, l-Avukat Ġenerali qal li f’komunikazzjoni li kellu ma’ Dr Delia llum, fisser li ma jqisx li għandu jbiddel il-fehma tiegħu dwar il-pubblikazzjoni u l-aċċess għar-rapport tal-inkjesta f’dan l-istadju.

Reġa’ fakkar li minħabba l-element ta’ interess pubbliku u l-impatt fuq il-ħajja pubblika fil-pajjiż, huwa ppubblika l-konklużjonijiet ewlenin tal-Inkjesta li fi kliemu jindirizzaw bis-sħiħ id-domandi magħmula lill-Maġistrat Inkwirenti.

It-talba ta’ Adrian Delia lill-Avukat Ġenerali saret nhar it-Tnejn li għadda. Il-PN kien qal li peress li m’għandux kopja, din is-sitwazzjoni toħloq “żbilanċ politiku favur il-Gvern, li qed jieħu vantaġġ minnha u qed tpoġġi lill-Oppożizzjoni fi żvantaġġ.”

Tista’ taqra l-ittra sħiħa ta’ Adrian Delia lill-Avukat Ġenerali hawn: Ittra lill-AĠ

Intant, il-Partit Laburista qal li minflok idur kontra l-Avukat Ġenerali, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia messu jdur kontra min kien rikeb il-gideb fil-konfront tal-Prim Ministru u martu.

Il-PL sostna li Delia għażel li jieħu passi ġudizzjarji kontra l-Avukat Ġenerali, sabiex jieħu ftit nifs mill-inkwiet intern li għandu. Qal li anke Adrian Delia stess jaqbel li dak li ppubblika l-Avukat Ġenerali l-Ħadd li għadda, huma l-konklużjonijiet kollha tal-inkjesta.