Inkjesta Egrant: “Kif se nkunu nafu min għandu jiġi investigat?”

Arkivji

Ir-rapport dwar l-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant potenzjalment jinkludi ismijiet ta’ nies fl-amministrazzjoni pubblika li għandhom jiġu investigati skont l-avukat tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed jinsisti li Delia ma jistax jibbaża kawża fuq spekulazzjonijiet.

Dan intqal fil-Qorti llum fejn kompliet tinstema’ il-Kawża Kostituzzjonali miftuħa mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li biha qed jitlob kopja sħiħa tal-inkjesta li saret mill-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-kumpanija Egrant.

Ir-rapport qatt ma wasal għand Delia

L-avukat ta’ Delia, Dr Vincent Galea, sostna li l-fatt li r-rapport tal-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant qatt ma wasal għand Delia huwa nuqqas kbir peress li dan jista’ jinkludi fih ismijiet ta’ persuni li forsi għandhom jiġu investigati. Dr Galea rrimarka li l-Avukat Ġenerali ħoloq żbilanċ politiku. Min-naħa l-oħra, l-avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Dr Victoria Buttigieg, insistiet li l-argument ta’ Delia ma jistax jibqa’ jkun ibbażat fuq spekulazzjonijiet.

Dr Galea sostna li l-persuni fl-amministrazzjoni pubblika li jissemmew fir-rapport qed jaħdmu fi ħdan il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat. Fakkar kif Muscat biss ingħata kopja tar-rapport sħiħ. Żied jgħid li hemm ċans li dak li hemm fuq ir-rapport, li jista’ jikxef kriminalitajiet, jibqgħu jinħbew taħt it-tapit.

“Il-ħruġ tar-rapport huwa fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi”

Il-mistoqsija rikurrenti tal-avukat ta’ Delia kienet jekk l-Avukat Ġenerali jaħsibx li l-mod kif xehdu l-persuni għar-rapport u dak li qalu għandux ikun fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi li joħroġ fil-pubbliku. Għamel referenza għall-każ tal-Plus One u staqsa x’inhi d-differenza bejn każ bħal dak u l-każ ta’ Egrant. Staqsa għaliex f’dan il-każ ir-rapport mhux qed jinħareġ fil-pubbliku.

F’Jannar tal-2016 kienet ġiet ippubblikata l-inkjesta tal-Maġistrat Dr Doreen Clarke b’rabta mal-inċident li seħħ f’Paceville fil-15 ta’ Novembru 2015. Dakinhar kien sfronda taraġ tal-istabbiliment meta kien hemm folla nies fuqu.

Galea spjega li mill-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar Egrant ħareġ li kien hemm iffalsifikar ta’ dokumenti u firem u staqsa għaliex m’għandux dritt jivverifika dan. Qal li n-nies fi ħdan il-Partit Laburista għandhom informazzjoni li tista’ tintuża politikament. Staqsa jekk il-Partit Nazzjonalista għandux ikollu dan id-dritt ukoll.

Il-ġimgħa l-oħra, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Avukat Ġenerali Peter Grech qed jirredikola lill-Qorti Kostituzzjonali wara li l-Avukat Ġenerali qal li ħafna drabi l-kawżi jinfetħu għall-gazzetti. Skont il-Partit Laburista Delia qed itawwal il-proċess.

Galea rrimarka li mhux il-Kap tal-Oppożizzjoni li qed itawwal il-proċeduri, kif ħareġ mis-smigħ li għadda, imma l-Avukat Ġenerali li jrid lill-Qorti tiddeċiedi fuq ix-xhieda mingħajr ma għandha kopja tar-rapport. Sostna li l-Qorti ma tistax tgħid jekk xhud hux relevanti jew le jekk ma tafx x’hemm fir-rapport.

Il-Maġistrat sostna li l-Qorti se tisma’ rapporti konklussivi.

“Ma jistax jibqa’ jgħid ‘għax forsi’ u ‘għax kieku'” – Avukat Ġenerali

Dr Victoria Buttigieg insistiet li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jistax jibqa’ jibbaża l-argumenti tiegħu fuq spekulazzjonijiet u jiġi l-Qorti jgħid ‘għax forsi’ u ‘għax kieku’. Insistiet li jekk tinħareġ kopja issa se jkun spiċċa l-mertu tal-kawża. Irrimarkat li l-kawża hija ċara u trid tkun prova relevanti.

Sostniet li Qorti trid tara d-diskrezzjoni li ġiet fdata lill-Avukat Ġenerali meta ġie biex joħroġ ir-rapport. Irrimarkat li l-Qorti hija f’pożizzjoni li tiddeċiedi jekk ix-xhud hux relevanti. Żiedet tgħid diġà ġie konkluż li x-xhieda huma kollha rrelevanti. Spjegat li l-Avukat Ġenerali ta r-raġunijiet b’mod dettaljat fejn spjega għalfejn Muscat biss ingħata dokument. Kien spjega li l-inkjesta saret biex tara jekk sarx reat, xi ħaġa li trid tibqa’ f’segretezza. Sostniet li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jinsisti li wieħed għandu jinjora s-segretezza. Irrimarkat li hawnhekk l-unika provi li għandhom joħorġu huma dwar ir-rikors li qed jitressaq hawn, mhux aktar u mhux inqas.

Ir-rikors se jkompli jinstema’ fis-17 ta’ Settembru fl-10.30am.