Inkjesta Egrant: Ir-rikors ta’ Delia se jinstema’ b’urġenza

Arkivji

Ir-rikors kostituzzjonali li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex jingħata kopja sħiħa tar-rapport tal-inkjesta maġisterjali li saret dwar il-kumpanija Egrant se jinstema’ fil-Qorti b’urġenza.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista (PN) qal li Delia ngħata raġun wara li “l-Avukat Ġenerali ma riedx li l-Qorti tiddeċiedi b’urġenza dan ir-rikors u ried li jiddeċiedi hu biss, filwaqt li jostakola l-mod kif il-Kap tal-Oppożizzjoni jeżerċita dmirijietu skont il-liġi.” Skont il-PN, l-Imħallef Robert Mangion iddikjara li l-mertu tar-rikors jimmerita li jiġi trattat b’urġenza. Is-smigħ tar-rikors mressaq mill-Kap tal-Oppożizzjoni se jsir fit-3 ta’ Settembru li ġej.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien ħabbar li kien fetaħ kawża biex jordna lill-Avukat Ġenerali biex jagħtih kopja tar-rapport sħiħ tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-kumpanija Egrant.

Skont il-PN, l-Avukat Ġenerali qed jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu u żbilanċja ruħu b’mod sfaċċat favur il-Gvern. Il-partit qal li d-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li ma jagħtix kopja sħiħa tal-inkjesta lill-Kap tal-Oppożizzjoni tmur ukoll kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta u kontra l-Konvenzjoni Ewropea. Il-Partit Laburista kien qal li Delia ddikjara hu stess li l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant huma ċari u li fil-proċess, li l-Prim Ministru impenjat li jippubblika, m’hemm xejn li jista’ jibdel dawn il-konklużjonijiet.

F’Lulju, ftit minuti qabel mal-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, l-Avukat Ġenerali ppubblika l-konklużjonijiet prinċipali, u mhux ir-rapport sħiħ, tal-inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant fil-Panama.