Inkjesta Egrant: Ipoġġu bagalji quddiem ir-residenza tal-PM

Reżistenza Malta

Il-grupp Reżistenza Malta illum poġġa żewġ bagalji quddiem ir-residenza tas-sajf tal-Prim Ministru fil-Girgenti.

Il-grupp qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat kien stenna biex titneħħa l-evidenza dwar il-kumpanija Egrant qabel ma talab biex issir inkjesta maġisterjali.

Il-bagalji li poġġa l-grupp kellhom nota magħhom li kienet tgħid li d-dokumenti huma f’post sigur.

Carlo Bonini mill-gazzetta La Repubblica kien qal fuq l-RTK li l-ġurnalisti ta’ The Daphne Project iridu li toħroġ il-verità kollha anke dwar min hu s-sid tal-kumpanija tal-Panama, Egrant.

Ftit wara li l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienet allegat li l-kumpanija Egrant hija tal-mara tal-Prim Ministru, Ali Sadr Hasheminejad, is-sid ta’ Pilatus Bank, kien iffilmjat ħiereġ mill-bank b’żewġ bagalji kbar imburġati. U xi ħin wara ajruplan telaq minn Malta lejn l-Ażerbajġan.

Bonini kien daħak bl-ipotesi ta’ dawk li jgħidu li fil-bagalji kien hemm ħwejjeġ ta’ taħt. Huwa staqsa jekk Ali Sadr qattx ġie investigat dwar dawk il-bagalji.

Kemm il-Prim Ministru kif ukoll is-Sinjura Michelle Muscat dejjem ċaħdu bil-qawwa li kienu involuti mal-kumpanija Egrant.

Illum l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kkonferma li r-rapport tal-inkjesta dwar Egrant jinsab f’idejn l-Avukat Ġenerali, bl-inkjesta issa konkluża. Dan wara li l-Maġistrat Aaron Bugeja kkonkluda l-inkjesta dwar l-allegazzjoni li l-mara tal-Prim Ministru hija sidt il-kumpanija Egrant.