Inkjesta Egrant: Il-Qorti tordna li Delia jingħata kopja

Read in English.

Il-Qorti tal-Appell illum ordnat li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, għandu jingħata kopja tar-rapport tal-inkjesta Egrant. Dan ir-rapport ħareġ bħala riżultat ta’ investigazzjoni fil-kumpanija bbażata fil-Panama.

Id-digriet ingħata dalgħodu mill-Prim imħallef Joseph Azzopardi u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul.

Il-konklużjonijiet prinċipali tal-inkjesta kienu ħarġu fil-pubbliku wara t-tmiem tal-inkjesta mmexxija mill-Imħallef Aaron Bugeja, li dak iż-żmien kien għadu Maġistrat. Minkejja l-wegħdiet li r-rapport eventwalment kien se jinħareġ b’mod sħiħ fil-pubbliku, sa issa l-unika partijiet tar-rapport aċċessibbli għadhom il-konklużjonijiet. Ir-rapport sħiħ fih total ta’ 1,500 paġna.

Il-Qorti Kostituzzjonali diġà rrifjutat li tingħata kopja lill-Kap tal-Oppożizzjoni wara li ssottometta applikazzjoni kostituzzjonali. Delia mbagħad appella din id-deċiżjoni.

L-avukati Vincent Galea, Janice Chetcuti, Errol Cutajar u Andre Portelli dehru għal Delia.