Inkjesta Egrant: Il-Qorti se tisma’ x-xhieda

Il-Qorti se tkun qed tisma’ x-xhieda li fl-aħħar seduti kien qed jitlob li jinstemgħu l-avukat rappreżentant tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Dan intqal fil-Qorti llum fejn kompliet tinstema’ il-Kawża Kostituzzjonali miftuħa mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li biha qed jitlob kopja sħiħa tal-inkjesta li saret mill-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-kumpanija Egrant.

Fl-aħħar seduta instema kif ir-rapport dwar l-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant potenzjalment jinkludi ismijiet ta’ nies fl-amministrazzjoni pubblika li għandhom jiġu investigati skont l-avukat tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Min-naħa l-oħra l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed jinsisti li Delia ma jistax jibbaża kawża fuq spekulazzjonijiet.

Id-deċiżjoni tas-smigħ tal-lista tax-xhieda ttieħdet minkejja li fl-aħħar seduta l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali insista li l-Qorti kienet diġà ħadet deċiżjoni li x-xhieda kollha huma rrelevanti. Dan wara li l-avukat ta’ Delia, Dr Vincent Galea kien reġa’ talab lill-Qorti biex tikkunsidra tisma’ l-lista tax-xhieda tagħhom.

Il-kawża ġiet diferita għall-25 ta’ Settembru fid-9.30am.