Inkjesta Egrant: Il-Pulizija siekta dwar il-konnessjoni Russa

Inkjesta Egrant Russja Putin Joseph Muscat

Il-Korp tal-Pulizija wieġeb bis-silenzju għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar jekk fir-rapport tal-Inkjesta Egrant, hemmx referenza għall-konnessjoni Russa dwar il-kumpanija Egrant fil-Panama. L-allegata rabta kienet issemmiet mill-Prim Ministru Joseph Muscat is-sena li għaddiet.

F’Mejju 2017, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ikkonferma li IntelligenceOnine.com kienet qed tallega li hemm indħil mir-Russi dwar il-każ. Ir-rapport kien jgħid li l-whistleblower Russa vvintat l-istorja bħala tpattija, wara li Malta rrifjutat li tagħti fuel lill-bastimenti Russi fi triqithom lejn is-Sirja.

Dakinhar, Dr Muscat irrimarka li l-Gvern Malti m’għandux evidenza dwar jekk il-whistleblower hix relatata mas-servizzi sigrieti, u qal li din l-informazzjoni ma ħarġitx mis-servizzi sigrieti Maltin, iżda s-servizzi sigrieti taż-żewġ pajjiżi alleati, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Imdina, Joseph Muscat kien wieġeb lill-ġurnalisti, li l-Presidenza Maltija għaġġlet id-diskussjonijiet biex tiffaċilita l-visa waiver programme mal-Ukrajna, pajjiż li kellu ġlied mar-Russja. Muscat stqarr li dan seta’ urta lir-Russi u li kien se jkun hemm xi tpattija.

L-Ambaxxata Russa kienet ċaħdet li r-Russja kienet b’xi mod involuta.

Il-Maġistrat investiga dak li qal il-PM?

Wara li l-inkjesta tal-Maġistrat Bugeja ma sabet l-ebda evidenza li torbot lill-Prim Ministru jew lil martu Michelle Muscat mal-kumpanija Egrant, Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Pulizija biex jara jekk allura l-allegazzjoni msemmija mill-Prim Ministru dwar ir-Russja, ingħatatx xi kredibbiltà jew jekk ġietx investigata mill-Maġistrat Bugeja.

Fl-10 ta’ Awwissu bagħatna dawn il-mistoqsijiet lill-pulizija:

1) Fl-inkjesta tal-Maġistrat Bugeja hemm xi referenza għal din il-konnessjoni mar-Russja li semma l-Prim Ministru?

2) Il-Maġistrat investiga dak li qal il-Prim Ministru dakinhar?

3) Il-Pulizija qed tinvestiga dan l-aspett?

Sal-lum il-Pulizija għadha ma weġbitx.

Mistoqsijiet lill-PM u lill-AĠ

Minbarra l-Pulizija, kemm il-Prim Ministru kif ukoll l-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech għandhom kopja sħiħa tar-rapport tal-Maġistrat. Il-bqija tal-popolazzjoni għandhom biss aċċess għal 3% tar-rapport.

Newsbook.com.mt issa bagħat mistoqsijiet lill-Prim Ministru u lill-Avukat Ġenerali biex jistaqsi jekk l-allegazzjonijiet serji li kienu ssemmew milll-Prim Ministru dwar ir-Russja, ġewx investigati jew le mill-Maġistrat Bugeja.