Inkjesta Egrant: Il-PM għadu bl-intenzjoni li jippubblikaha kollha

Il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat qal li għadu bl-intenzjoni li jippubblika r-rapport tal-inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant malajr kemm jista’ jkun.

Fi stqarrija, il-Prim Ministru qal li “bħalissa jinsab għaddej proċess fejn l-inkjesta voluminuża qed tiġi analizzata bir-reqqa sabiex wieħed jaċċerta li l-pubblikazzjoni ma tinvadix il-privatezza ta’ individwi terzi, u tfixkel investigazzjonijiet jew proċeduri oħra possibbli.”

Spjega li l-proċess mistenni jieħu ftit jiem oħra.

L-Avukat Ġenerali Peter Grech illum ħabbar li se jżomm sigriet ir-rapport sħiħ dwar l-inkjesta Egrant, kemm mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kif ukoll mill-poplu Malti. L-Avukat Ġenerali ddeċieda li hu l-Prim Ministru biss li għandu jkollu kopja sħiħa tar-rapport.

Skont Muscat, “dan il-proċess qed jittieħed b’serjetà kbira, anki minħabba l-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali kontra l-pubblikazzjoni.”

Fi kliem il-Prim Ministru huwa fl-interess pubbliku li l-inkjesta sħiħa tiġi ppubblikata.

Sorsi legali esprimew it-tħassib tagħhom ma’ Newsbook.com.mt dwar kemm dan fil-fatt jista’ jsir.

Dawn ikkwotaw l-Kodiċi Kriminali ta’ Malta:

Artikolu 518 – L-atti u d-dokumenti tal-qorti ta’ ġustizzja kriminali ma jistgħu jintwerew lil ħadd, lanqas ma jistgħu jingħataw kopji tagħhom, mingħajr permess speċjali tal-qorti, ħlief lill-Avukat Ġenerali, lill-partijiet fil-kawża jew lill-avukat jew prokuratur legali li jkun awtorizzat mill-istess partijiet; imma dawk l-atti kollha li jkunu nqraw fil-qorti bil-miftuħ, jista’ jarahom kull min irid u jistgħu jingħataw kopji tagħhom, bil-ħlas tad-dritt soltu:
Iżda proċessi verbali u kull xiehda u dokumenti mdaħħlin magħhom għandhom jintwerew, u kopji tagħhom jingħataw, biss fid-diskrezzjoni ta’ l-Avukat Ġenerali u bil-ħlas ta’ dawk id-drittijiet li jistgħu jiġu stabbiliti mill-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja skond l-artikolu 695.