Inkjesta Egrant: Il-Maġistrat qalli li ma setax jipproteġini – Matthew Caruana Galizia

Twitter - Matthew Caruana Galizia

It-tifel tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, Matthew Caruana Galizia, qal li sena ilu l-Maġistrat Aaron Bugeja avżah li ma setax jipproteġieh jekk jagħżel li jiżvela ċertu informazzjoni b’rabta mal-kumpanija Egrant.

Fuq Facebook, Caruana Galizia qal li xehed quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja aktar minn sena ilu bħala parti mill-inkjesta li saret fil-kumpanija Egrant. Qal li hemm mijiet ta’ gigabytes ta’ evidenza dwar Egrant u l-allegat korruzzjoni taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u tal-Ministru Konrad Mizzi. Spjega li meta qal lill-Maġistrat li kellu din l-informazzjoni, il-Maġistrat avżah li ma kienx ikun jista’ jipproteġih jekk jiżvela dak li jaf.

L-imejls jinkludu dokumenti foloz – Caruana Galizia

“B’riżultat ta’ dan, nofs l-evidenza ma saritx parti mill-inkjesta sakemm ġiet sfurzata fl-idejn tal-Pulizija Maltija mill-Pulizija Federali tal-Ġermanja li kienet xtrat kopja. Il-Maġistrat kien qed jaħdem kompletament fl-għama għal kważi sena sa dakinhar. In-nofs l-ieħor tal-evidenza tikkonsisti f’imejls mibgħutin minn Nexia BT u Mossack Fonseca wara l-pubblikazzjoni tal-Panama Papers.”

Fi kliem Caruana Galizia, dawn l-imejls jinkludu dokumenti dwar Egrant li allagatament ġew iffalsifikati minn Karl Cini u Luis Quiel, avukat ta’ Mossack Fonseca li kien tkeċċa. Allega wkoll li la l-Maġistrat u l-anqas l-ispettur Ian Abdilla ma għamlu talba biex jirċievu din l-informazzjoni.

X’ġara s’issa?

Il-Ħadd li għadda, il-Prim Ministru u mexxej Laburista Joseph Muscat sostna li l-konklużjoni prinċipali tal-inkjesta Egrant hija li d-dokument kien iffalsifikat u mhux dak li qed tipprova tpinġi l-midja lokali. Qal li filwaqt li huwa kommess li jiġi ppubblikat id-dokument dwar l-inkjesta, irid iħalli lill-Pulizija tkompli bix-xogħol tagħha sabiex tinstab il-verità kollha.

F’Lulju, ftit minuti qabel mal-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, l-Avukat Ġenerali ppubblika l-konklużjonijiet prinċipali, u mhux ir-rapport sħiħ, tal-inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant fil-Panama.

L-impjegata tal-Mossack Fonseca, Jacqueline Alexander, li qalet li l-firma li hemm fuq id-Declaration of Trust tal-kumpanija Egrant fil-Panama mhix tagħha, issa sabet ruħha parti mill-istorja legali ta’ Malta. F’Ġunju 2017 il-Qorti Speċjali fil-Panama ċaħdet il-ħelsien mill-arrest ta’ Alexander f’każ fejn hi kienet qed tiġi investigata dwar ħasil tal-flus.

L-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant ma rnexxiliex tistabbilixxi jekk il-kontijiet inkwistjoni u dawk miżmuma mill-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri kellhomx bearer jew xi kont ieħor fl-Emirati Għarab Magħquda (UAE).