Inkjesta Egrant: Delia se jieħu l-AĠ il-Qorti

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia se jqabbad konsulenti legali u se jiftaħ kawża kontra l-Avukat Ġenerali wara li dan baqa’ ma tahx kopja sħiħa tal-atti tal-inkjesta li lesta l-Maġistrat Aaron Bugeja.

Skont stqarrija tal-Partit Nazzjonalista, meta Delia ppreżenta protest ġudizzjarju kontra l-Avukat Ġenerali l-Qorti, huwa tah 24 siegħa żmien biex jagħtih kopja sħiħa tar-rapport.

Ladarba l-AĠ injora din it-talba, il-Kap tal-PN se jiftaħ kawża legali kontrih.

Il-ġimgħa l-oħra, l-Avukat Ġenerali ta kopja tar-rapport sħiħ lill-Prim Ministru, iżda ppubblika biss 3% tar-rapport. Il-Prim Ministru qal li għandu l-intenzjoni li jippubblika r-rapport sħiħ.

Il-Partit Laburista jwieġeb

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li Adrian Delia baqa’ jassoċja r-rapport tal-inkjesta Egrant mal-partiġġjaniżmu politiku.

Il-PL sostna li l-uniku żbilanċ politiku hu lejn il-Prim Ministru u familtu għaliex sfaw vittmi ta’ frame-up.

Kompla illi Delia jmissu jeħodha ma’ min suppost refa’ r-responsabbiltà ta’ din l-inkjesta.