Inkjesta Egrant: Delia jitlob lill-AĠ għal kopja sħiħa

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia talab lill-Avukat Ġenerali biex jagħtih kopja sħiħa tal-atti tal-inkjesta li temm il-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-kumpanija Egrant.

Fi stqarrija, il-PN qal li l-Avukat Ġenerali laqa’ t-talba li saritlu mill-Prim Ministru Joseph Muscat biex bħala l-persuna li kienet għamlet it-talba biex issir l-inkjesta jkollu kopja tar-rapport.

Il-PN qal li peress li m’għandux kopja, din is-sitwazzjoni toħloq “żbilanċ politiku favur il-Gvern, li qed jieħu vantaġġ minnha u qed tpoġġi lill-Oppożizzjoni fi żvantaġġ.”

Ilbieraħ Delia talab lill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil biex jissospendi ruħu mill-Grupp Parlamentari.

Inkjesta li tħammar wiċċ il-PN – PL

F’reazzjoni għall-istqarrija tal-PN, il-Partit Laburista fakkar li l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jrid l-inkjesta ppubblikata kollha kemm hi.

Skont il-PL, Delia jrid jifhem li l-allegazzjonijiet fuq mart il-Prim Ministru u l-Prim Ministru mhumiex kwistjoni ta’ logħob politiku u li kien Muscat li sofra żbilanċ sfaċċat fuq gidba għall-aħħar sena u nofs.

“Intant, min għamel din il-gidba għadu qed jirrappreżenta lill-poplu Malti u Għawdxi fil-Parlament” qal il-PL.

Il-PL temm jgħid li “Adrian Delia jista’ joqgħod moħħu mistrieh li l-inkjesta li tħammar wiċċ il-PN tista’ tkun ippubblikata minnufih li kieku kienet deċiżjoni tal-Prim Ministru waħdu.”

Tista’ taqra l-ittra sħiħa ta’ Adrian Delia lill-Avukat Ġenerali minn hawn: Ittra lill-AĠ