Inkjesta Egrant: Delia bi protest ġudizzjarju għar-rapport

Illum il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ppreżenta protest ġudizzjarju lill-Qorti dwar l-Avukat Ġenerali, li ma riedx jgħaddilu l-verżjoni sħiħa tar-rapport Egrant.

Fil-protest, Delia qal li l-Oppożizzjoni għandha dritt għall-informazzjoni fuq ix-xhieda u l-bqija tad-dokumentazzjoni fir-rapport, li tista’ tixħet dawl fuq il-verità.

Argumenta wkoll li d-deċiżjoni tal-AĠ li jagħti kopja sħiħa tar-rapport lill-Prim Ministru ħolqot żbilanċ politiku, favur il-Gvern.

L-inkjesta maġisterjali sabet li ma kien hemm l-ebda evidenza li turi li l-kumpanija Egrant hija tal-mara tal-Prim Ministru, Michelle Muscat.

Filwaqt li l-Avukat Ġenerali qal li mhuwiex beħsiebu jippubblika r-rapport sħiħ, il-Prim Ministru qal li xorta waħda jaħseb li r-rapport għandu jiġi ppubblikat kollu, minkejja d-dettalji ta’ terza persuni li fih.

AQRA l-Protest Ġudizzjarju.