Inkjesta Egrant: Dalli tibgħat kopja tal-konklużjonijiet lill-KE

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Laburista Miriam Dalli bagħtet kopja tal-konklużjonijiet tar-rapport dwar l-inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant lill-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans u tal-Kummissarju Věra Jourová.

F’ittra li bagħtet, Dalli qalet li tifhem li huwa xogħol  il-Viċi President u tal-Kummissarju biex iħarsu l-interessi tal-Unjoni Ewropea u taċ-ċittadini tagħha.

“Nifhem li sfortunatament il-pajjiż tiegħi spiċċa attakkat minn nies li ppreżentaw allegazzjonijiet bħala fatti – nies li ppreferew jgħaġġlu biex jagħmlu konklużjonijiet ibbażati fuq allegazzjonijiet foloz u li kienu qed jagħmlu pressjoni fuqkom bħala uffiċjali tal-Kummissjoni biex tieħdu pożizzjoni fuq affarijiet li ma kinux jirrappreżentaw ir-realtà.”

Dalli talbithom biex jibbażaw l-analiżi tagħhom dwar Malta fuq il-konklużjonijiet tal-inkjesta maġisterjali.

Dalli spjegat li qed tgħid dan kollu peress li l-allegazzjoni kontra l-Prim Ministru ġiet irrepetuta diversi drabi fl-istituzzjonijiet tal-UE.