Inkjesta Egrant: “Ċelebrazzjonijiet li jikkundannaw lil Mizzi u Schembri”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li wara l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant, il-Prim Ministru jrid jerfa’ r-responsabbiltà hu stess, jekk il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri ma jirriżenjawx.

Waqt li kien qed ikun intervistat fuq NetFM, Delia qal li waqt li saru ċelebrazzjonijiet nazzjonali bi flus il-poplu biex ikun iċċelebrat il-fatt li l-kumpanija Egrant mhux ta’ Joseph Muscat, fl-istess waqt jirriżulta li l-kumpanji l-oħra huma ta’ Mizzi u Schembri u allura bl-istess mod iridu jerfgħu r-responsabilità tagħha. Insista lil jekk dan ma jsirx, Muscat għandu jaġixxi.

Delia qal li l-PN mhux se jieqaf milli jsejjaħ għar-riżenja ta’ Mizzi u Schembri.

“Il-PN m’għandux fiduċja fl-Avukat Ġenerali”

Dwar ir-rapport tal-Inkjesta li baqa’ ma ġiex ippubblikat, Delia qal li l-Avukat Ġenerali qed jippermetti u qed joħloq hu stess żbilanċ politiku. Reġa’ tenna li l-Partit m’għandux fiduċja fl-Avukat Ġenerali.

Żied jgħid li l-Avukat Ġenerali qed jilgħab logħoba politika u qed jieħu pożizzjoni politika.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li wara l-konklużjonijiet tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja huwa kiteb lill-Avukat Ġenerali sabiex jingħata kopja sħiħa tal-atti tal-inkjesta. Huwa qal li qabbad konsulenti legali biex jiftaħ kawża kontra l-Avukat Ġenerali wara li dan baqa’ ma tahx kopja sħiħa tal-atti tal-inkjesta li lesta l-Maġistrat Aaron Bugeja.

Delia qal li Muscat qed jilgħab man-nar meta baqa’ ma implimentax id-direttiva tal-ħasil tal-flus u biex jipproteġi l-ftit ta’ madwaru fl-istess ħin qed jirriskjaw l-għajxien tal-ħafna, f’settur li ilu jinbena 25 sena.

Delia qal li qed issir ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta u li l-partit tiegħu kien se jkompli jagħmel il-pressjoni biex kulħadd jerfa’ r-responsabbilità.

“Scicluna għandu jirreżenja”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna għandu jirreżenja. Dan wara l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), li ħarġet rapport dwar l-FIAU u l-bank Pilatus fejn l-Awtorità ssemmi ‘nuqqasijiet ġenerali u sistematiċi’ fil-mod kif l-awtoritajiet Maltin ħallew il-bank Pilatus jikser il-liġijiet Ewropej kontra l-ħasil tal-flus.

Qal li filwaqt li l-Gvern qed jaċċetta l-konklużjonijiet tal-inkjesta għax jaqbillu, mhux jaċċetta l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) li juru dawn in-nuqqasijiet. “Minflok qed jippruvaw jirredikolaw u jattakkaw istituzzjoni indipendenti Ewropea, filwaqt li jiddefendu ftit nies qrib il-Prim Ministru, minflok ir-reputazzjoni u l-impjiegi fis-settur tas-servizzi finanzjarji.”

Delia qal li r-responsabbilità politika trid tintrefa’ b’mod speċjali minn Scicluna, “li flok aġixxa biex ma ssirx ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta, kompla għarraqha b’kummenti inaċċettabbli f’artiklu fil-midja.” Huwa qal li f’pajjiżi serji, rapport bħal dak tal-EBA jwasslu għar-riżenji immedjati u jekk Scicluna ma jirriżenjax, l-istess bħal fil-kwistjoni ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, r-responsabbilità politika għandu jġorrha l-Prim Ministru Joseph Muscat.

Delia qal ukoll li din il-ġimgħa kienet waħda diffiċli għall-PN, però kien konvint li l-partit jerġa’ jqum fuq saqajgħ.

Huwa ma tkellimx b’mod dirett dwar is-sejħa li għamel lill-eks Kap tal-PN Simon Busuttil biex dan jirreżenja. Qal li kellu jieħu deċiżjonijiet iebsin u kien jaf li kien se jkun hemm konsegwenzi.

Reazzjoni tal-PL

F’reazzjoni għal dak li qal Delia, il-Partit Laburista qal li għaddiet ġimgħa sħiħa mill-ewwel deċiżjoni li ħa l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia dwar l-eks Kap Simon Busuttil. Il-PL qal li dan wassal għal rivolta nterna.

“Ħa deċiżjoni fuq il-karta li ma wettaqx u x’aktarx se jkollu jċedi.”

Skont il-PL, “Kap li mhux kapaċi jwettaq deċiżjoni li ħa hu stess u li kienet tant ovvja għal ħafna ma jistax ikun fdat bid-deċiżjonijiet li ta’ kuljum ikollu jieħu li kieku jmexxi lill-pajjiż.”

Il-PL qal li Simon Busuttil suppost refa’ r-responsabbiltà politika.