Inkjesta Egrant: “Azzjoni kontra dawk li orkestraw” – OPM

Kelliem għall-Prim Ministru qal mal-ġurnal Times of Malta, li l-Maġistrat Inkwerenti li mexxa l-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant fil-Panama, qal li se jsiru iktar investigazzjonijiet kontra xi individwi u li se jittieħdu passi kontrihom.

Skont it-Times, il-kelliem isemmi li l-azzjoni se tittieħed primarjament kontra n-nies li kienu fiċ-ċentru tal-allegazzjonijiet li nxterdu kontra l-Prim Ministru. L-Avukat Ġenerali ma weġibx għall-mistoqsijiet tal-gazzetta.

“Jibda jintwera l-wiċċ vera tal-PL… mhux dehra sabiħa”

Intant fl-editorjal tagħha, il-gazzetta Times of Malta qalet li beda jintwera l-wiċċ veru tal-Partit Laburista (PL), li fi kliemha mhix dehra sabiħa.

L-editorjal jgħid li “Dr Muscat qisu jrid lin-nies jemmnu li l-inkjesta dwar Egrant teħles lilu u lin-nies ta’ madwaru mill-bqija ta’ dnubiethom”. Semma lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri li għandhom kumpaniji fil-Panama. Intqal li r-riżultat ta’ inkjesta dwar il-kumpanija 17 Black kien ikun wieħed interessanti.

It-Times tgħid li l-PL qed ikun aggressiv fit-tattika tiegħu u li dan iwassal biex il-PL jidher qisu partit vendikattiv u li jrid iġib il-firda.

It-Times of Malta qed tirraporta li kelliem tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li hemm il-possibbilità li tittieħed…

Posted by Karol Aquilina on Friday, July 27, 2018

“Jista’ jkun li intenzjonata li l-PM jibqa’ jinsisti għall-pubblikazzjoni”

Il-gazzetta The Malta Independent qalet fl-editorjal tagħha li jista’ jkun li kien intenzjonat li l-Prim Ministru jibqa’ jinsisti biex jiġi ppubblikat ir-rapport sħiħ, biex Joseph Muscat joħroġ eroj. Il-gazzetta fakkret fir-reżistenza tal-Avukat Ġenerali biex jippubblika r-rapport sħiħ.

The Malta Indepedent tgħid ukoll li jekk ikun ippubblikat ir-rapport sħiħ, partijiet minnu se jitneħħew qabel ma jitqassam lill-pubbliku. Fakkret li dan ikun simili bħall-każ  tal-kuntratti tal-isptarijiet fejn l-aktar partijiet importanti baqgħu moħbija.

Il-gazzetta tistaqsi wkoll dwar min qabbad il-Prim Ministru biex idur ir-rapport biex jassigura li l-pubblikazzjoni tiegħu ma xxekkilx investigazzjonijiet u biex tiġi rispettata l-privatezza ta’ terzi.

Tibqa’ tidwi l-mistoqsja: Ta’ min hi Egrant?

In-Nazzjon tagħmel numru ta’ mistoqsijiet ibbażati fuq l-konklużjonijiet tar-rapport dwar Egrant. Tistaqsi:

  • Ta’ min hija Egrant?
  • Għal min twaqqfet?
  • Xi flus kienu se jidħlu fiha?

Tibqa’ tinstema t-talba biex Simon Busuttil jerfa’ r-responsabbiltà

Il-gazzetta l-Orizzont qalet li l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għandu jerfa’ r-responsabbilità politika dwar l-allegazzjoni  fuq Egrant.

Nhar il-Ħadd li għadda, ftit minuti qabel mal-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, l-Avukat Ġenerali ppubblika l-konklużjonijiet prinċipali biss, tal-inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant fil-Panama.

Il-Maġistrat Aaron Bugeja qal fir-rapport tiegħu li ma hemm xejn li jorbot lil Michelle Muscat, il-mara tal-Prim Ministru, mal-kumpanija Egrant.

Ilbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ppreżenta protest ġudizzjarju fil-Qorti dwar l-Avukat Ġenerali, li ma riedx jgħaddilu l-verżjoni sħiħa tar-rapport.