Inkjesta dwar pazjent li nstab mejjet f’Monte Karmeli

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li bħalissa għaddejja inkjesta maġisterjali dwar pazjent ieħor f’Monte Karmeli li nstab mejjet.
Dan kien it-tieni każ f’temp ta’ tlett xhur li persuna rikoverata f’dan l-isptar neħħiet ħajjitha b’idejha.
Id-deputat Godfrey Farrugia staqsa dwar dan il-każ li seħħ fid-19 t’April fl-Isptar Monte Carmeli.
Il-Ministru qal li b’dan il-każ, il-Pulizija kienu infurmati dakinhar stess u l-inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Neville Camilleri għada għaddejja. 
Dan il-każ baqa’ mistur b’kuntrarju għall-każ l-ieħor, fejn pazjent miet wara li ħarab minn Monte Karmeli hekk kif żgassa tieqa minn kamra tal-banju u qabeż ‘il barra.
Dwar dak il-każ kienet infetħet inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras. Infetħet ukoll investigazzjoni amministrattiva interna.