“Qegħdin f’sitwazzjoni fejn l-Istat jippretendi li l-midja ma teżistix” – L-Editur tat-Times

Herman Grech Times

Read in English.

L-inkjesta pubblika fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kompliet illum bix-xhieda ta’ Jonathan Cardona, li huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment (IIP), u tal-Editur tat-Times of Malta, Herman Grech.

L-inkjesta għandha l-għan li tara jekk l-Istat setax ipprevjena l-qtil tal-ġurnalista, u biex tiskrutinja l-aġir tal-Istat wara l-qtil.

Xi spikka fis-seduta tal-lum?

  • Jonathan Cardona, li kien Kap Eżekuttiv tal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, qal li meta Henley & Partners riedu jiftħu kawża kontra Daphne Caruana Galizia talli kienet qed tikteb fuqhom, il-Ministru Owen Bonnici, dak iż-żmien Ministru tal-Ġustizzja, qalilhom biex jibagħtu ittra legali qabel jiftħu kawża
  • L-Editur tat-Times of Malta Herman Grech qal li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kien “daqqa ta’ ponn fl-istonku” għall-ġurnaliżmu Malti; qal, iżda, li l-ġurnalisti donnhom bdew jirsistu aktar biex toħroġ il-verità wara l-assassinju
  • Fuq theddid li jaffaċċjaw il-ġurnalisti, Grech qal li llum ħafna drabi meta aħbar ma ddoqqx għal xi nies, tiġi ttimbrata bħala fake news
  • “Qegħdin f’sitwazzjoni fejn l-Istat jippretendi li l-midja ma teżistix jew jipprova jrendiha irrelevanti” – Grech

Minuta minuta mill-qorti…

14:17 Grazzi talli segwejtuna! Il-kumplament tal-ġurnata t-tajba.
Sephora Francalanza
14:14 Is-seduta li jmiss hija l-Erbgħa li ġej fis-2pm. Se jixhdu Reno Bugeja u rappreżentant tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Is-seduta tal-Ġimgħa se ssir fid-9.30am.
Sephora Francalanza
14:14 Ix-xhieda ta' Herman Grech tintemm hawn.
Sephora Francalanza
14:13 Isemmi inqas "paroli żejda" mill-politiċi; jagħmlu minn kollox biex il-midja titqies irrelevanti, jittimbraw lill-midja bħala fake news.

Jgħid li jużawha nies bħal Donald Trump u Matteo Salvini, imma hu inkwetat li n-narrattiva qed taqbad f'Malta.
Sephora Francalanza
14:12 Il-Bord jistaqsi lil Herman Grech għandux xi suġġerimenti fuq kif is-sitwazzjoni tal-ġurnaliżmu tista' titjieb.
Sephora Francalanza
14:10 Il-Bord jistaqsi lix-xhud jekk it-Times irċevitx theddid jew riperkussjonijiet għall-fatt li ngħaqdet fid-Daphne Project.

Jgħid li le, imma jkun hemm min jipprova joħodlok minn moħħok dwar x'inhu ħiereġ.
Sephora Francalanza
14:08 Grech jgħid li jaħseb li kien hemm ċerti attentati biex storja fuq il-qtil ta' Daphne tingħata spin, imma mhuwiex ċert kienx attentat – jippreferi jikkonferma u jiċċara s-sitwazzjoni mal-ġurnalisti inkwistjoni.
Sephora Francalanza
14:08 Mistoqsi jekk kienx hemm drabi fejn politiċi ppruvaw jiżvijawh mill-istorja, jgħid li tiġri ta' sikwit, imma aktar kemm wieħed jikber, aktar jitgħallem.
Sephora Francalanza
14:07 Grech jgħid li ovvja li l-politiċi jużaw il-midja għall-iskopijiet tagħhom, xi ħaġa li tiġri kullimkien.
Sephora Francalanza
14:06 L-Imħallef Mallia jinnota kif Grech qed jitkellem fuq l-iktar kamra tal-aħbarijiet b'saħħitha f'Malta… "Aħseb u ara jkollok ġurnalist waħdu, aħseb u ara Daphne. Kienet waħedha – ma kellha xejn warajha."
Sephora Francalanza
14:05 Ix-xhud jgħid li t-Times damet sentejn u nofs biex tikseb xi informazzjoni fuq il-każ tal-Vitals. "Daqqa ta' sieq wara l-oħra sakemm tasal il-qorti."
Sephora Francalanza
14:04 "Niġu injorati – lin-nies qed tgħidilhom li l-midja irrelevanti." Isemmi stħarriġ li juri li n-nies m'għandhomx fiduċja fil-midja.
Sephora Francalanza
14:04 "Sitwazzjoni fejn titlob lill-Prim Ministru għal intervista, u naħseb ilna dal-aħħar erba' snin, li l-PM ma poġġiex għal intervista magħna."
Sephora Francalanza
14:01 Herman Grech jgħid li llum qegħdin f'sitwazzjoni fejn l-Istat jippretendi li l-midja ma teżistix, u din qed jgħidha b'responsabbiltà.
Sephora Francalanza
13:59 "Kien massiv," jgħid ix-xhud meta l-Bord jistaqsih fuq l-effett tal-assassinju fuq il-ġurnaliżmu.

Jgħid li llum qed jara ġurnalisti jirsistu ħafna aktar, jaħdmu sigħat twal u jieħdu r-riskji biex iwasslu l-istejjer.
Sephora Francalanza
13:59 Mistoqsi dwar il-futur tal-ġurnaliżmu f'Malta, jgħid li jaħseb li numru ta' ġurnali se jkollhom jagħlqu, se jkun hawn inqas ġurnalisti professjonali u aktar kummentaturi fuq il-midja soċjali.
Sephora Francalanza
13:58 Grech jgħid li llum għandhom iżjed qarrejja minn qatt qabel u l-inqas flus minn qatt qabel, minħabba li l-ġurnaliżmu mexa online.
Sephora Francalanza
13:57 Mistoqsi jekk l-IĠM tgħinx lill-ġurnalisti, qal li dal-aħħar qed taħdem aktar biex tagħti vuċi, però hemm limiti kbar, minħabba nuqqas ta' riżorsi u flus.
Sephora Francalanza
13:57 Meta l-ġurnalisti ġew imsakkrin f'Kastilja s-sena li għaddiet, kien hemm ukoll ġurnalist tat-Times.
Sephora Francalanza
13:56 Grech jerġa' jsemmi li kellu javviċina lill-pulizija għas-sigurtà ta' żewġ ġurnalisti partikolari fit-30 ta' Novembru u f'Ġunju li għadda.

Kien infurmat li qed jieħdu ħsiebha.
Sephora Francalanza
13:55 Isemmi każijiet li ġraw fejn ċerti negozjanti biex ipattuha, ineħħu ċertu reklamar.
Sephora Francalanza
13:55 Mistoqsi, Grech jgħid li l-ġurnalisti ma jitħallsux sew.
Sephora Francalanza
13:54 Jgħid li personalment, anke hu kellu theddid, pereżempju xi 15-il sena ilu meta kienu qed jinħarqu l-karozzi tal-ġurnalisti fuq kwistjoni tal-immigrazzjoni.

F'Diċembru li għadda, kien hemm min qallu, "Fittex sigurtà għalik u għal min irid jagħmel ċerti stejjer." Hu avviċina lill-pulizija dwar dan.
Sephora Francalanza
13:54 Mistoqsi fuq theddid fiżiku, Grech jgħid li ġurnalist tat-Times kellu żewġ okkażjonijiet din is-sena fejn ġie mhedded, u heddew lilu direttament. Kienet kwistjoni legali.

Grech jammetti li inkwieta, speċjalment għax hemm ġurnalisti li ma jgergrux mix-xejn, imma din affettwathom b'mod serju. Kellhom jittieħdu ċerti miżuri.
Sephora Francalanza
13:53 Jgħid li xi ġurnalisti tat-Times sofrew theddid psikoloġiku, pereżempju jgħidu lill-ġurnalisti, "Naf min hi familtek, naf affarijiet dwarek." Jgħid li theddid bħal dan sar anke din is-sena.
Sephora Francalanza
13:50 "Il-każ ta' Daphne każ estrem ta' vjolenza, imma t-theddid isir ukoll mod ieħor."
Sephora Francalanza
13:50 Jgħid li kien hemm drabi meta l-kamra tal-aħbarijiet tat-Times ma ġietx mistiedna għal xi attività.
Sephora Francalanza
13:49 Mistoqsi wkoll fuq kif l-amministrazzjoni forsi tipprova tweġġa' lill-kmamar tal-aħbarijiet finanzjarjament, ix-xhud jgħid li fil-passat, kien hemm ċerti ministeri li taw struzzjonijiet biex ma jsirux riklami fuq it-Times.
Sephora Francalanza
13:49 Jgħid li l-organizzazzjoni tiegħu mhix eżempju ta' fake news. "Manipulazzjoni pubblika," jikkummenta Grech.

"Ġratilkom din," tgħidlu l-Imħallef Lofaro, ix-xhud jgħidilha, "Kuljum."
Sephora Francalanza
13:48 Mistoqsi mill-Bord fuq ir-riskji li jaffaċċjaw il-ġurnalisti llum, Grech jgħid li l-fatt li jgħidulek fake news hija narrattiva li qed issir iżjed u iżjed komuni. "Min ma jaqbilx miegħek – awtorità jew Gvern – jittimbrawk fake news."
Sephora Francalanza
13:47 Ix-xhud jgħid li jkollok tmur il-qorti għal proċess aktar imtawwal, aktar spejjeż, u jilħaq jgħaddi ż-żmien ukoll.
Sephora Francalanza
13:47 Dwar it-talba tal-Freedom of Information, Grech jgħid li tispiċċa tinsa l-istorja sakemm iwieġbu.
Sephora Francalanza
13:47 Mistoqsi min jiġi ttimbrat bħala għadu tal-Istat, Grech jgħid li ġieli anke hu, għax trid tazzarda tistaqsi domandi lill-Gvern li jaf ikunu skomdi.

Jgħid li din raha wkoll fl-amministrazzjoni preċedenti.
Sephora Francalanza
13:46 Jgħid li wħud mir-rappreżentanti tal-Gvern jagħmlu xogħolhom tajjeb, imma oħrajn jaraw lill-ġurnalisti bħala "the enemy of the state."
Sephora Francalanza
13:45 Grech jgħid li s-silver lining forsi kien li "eventwalment għaqqad lil uħud mill-komunità tal-ġurnalisti."
Sephora Francalanza
13:43 Il-Bord jistaqsi lill-Editur x'kien l-effett tal-assassinju fuq il-ġurnaliżmu Malti.

Grech jiddeskrivi l-assassinju bħala "daqqa ta' ponn fl-istonku tal-ġurnaliżmu Malti. Wake up call, fejn qabel it-theddid kien qed isir fuq il-midja soċjali, issa nassoċjaw crime bħal din ma' min qed jagħmel xogħlu."
Sephora Francalanza
13:43 Grech jgħid li ilu sena u nofs editur tat-Times, u ġurnalist kważi 24 sena, dejjem mat-Times.
Sephora Francalanza
13:42 Ix-xhud li jmiss huwa Herman Grech, l-Editur tat-Times of Malta.
Sephora Francalanza
13:42 Ix-xhieda ta' Jonathan Cardona tintemm hawn.
Sephora Francalanza
13:37 Dr Jason Azzopardi jistaqsi fuq laqgħa f'Jannar tal-2014 meta kien hemm il-Kummissarju Ewropew Reding, u fuq il-kuntratt li ġie ffirmat mal-konċessjonarju fl-2013.

Hawn oġġezzjonijiet fl-awla dwar jekk il-mistoqsijiet humiex relevanti.
Sephora Francalanza
13:35 L-Imħallef Lofaro tgħid, "Dil-kritika tweġġagħni għax mhux veru."

"Dik il-perċezzjoni hemm barra," jikkummenta Dr Lia.
Sephora Francalanza
13:34 L-Avukata Ramona Attard ukoll tgħid li m'għandhiex x'taqsam.

"Domandi politiċi," tikkummenta Dr Attard, u l-Imħallef Emeritu Mallia jgħolli leħnu u jgħid, "Din tad-domandi politiċi aqtgħuha. Hawn m'hawnx politika."
Sephora Francalanza
13:33 Dr Comodini Cachia tistaqsi lix-xhud kienx amministratur ta' josephmuscat.com, l-Avukat Lia joġġezzjona u jgħid, "U din x'għandha x'taqsam?"
Sephora Francalanza
13:33 Fil-laqgħa f'Kastilja meta Cardona ltaqa' ma' Kalin kien hemm preżenti Owen Bonnici u l-Avukat Ġenerali. Din il-laqgħa saret qabel Cardona laħaq Kap Eżekuttiv tal-IIP.

Issejjaħ fil-laqgħa għax ried jirrappreżenta lill-Gvern Malti fuq il-kwistjoni fi Brussell, jgħid Cardona.
Sephora Francalanza
13:31 Apparti Kalin, ġieli kien jattendi għal-laqgħat Steffen minn Henley & Partners.
Sephora Francalanza
13:30 Ix-xhud jgħid li ma kinux jittieħdu minuti tal-laqgħat ma' Kalin meta dan kien iżur Malta.
Sephora Francalanza
13:30 Ma jafx li ntbagħtu ittri ta' theddid lil Daphne Caruana Galizia biex tneħħi l-bloggs li kitbet fuq hekk.
Sephora Francalanza
13:29 Ix-xhud jgħid li ma kienx jaf bil-parir mogħti mill-avukati biex tintbagħat ittra.
Sephora Francalanza
13:28 Aqra x-xhieda tal-Ministru Owen Bonnici hawn:

newsbook.com.mt/il-ministru-owen-bonnici-jixhed-fl-inkjesta-fuq-il-qtil-ta-daphne/
Sephora Francalanza
13:28 Tgħid li x-xhud għandu jgħid meta l-aħħar li ddiskuta dawn l-emails mal-Ministru Bonnici.

L-Avukat Pawlu Lia jgħid, "Ma tkellmux dwarhom. Blowing this out of proportion."

Dr Comodini Cachia tgħid li x-xhud għandu jwieġeb.
Sephora Francalanza
13:27 Dr Comodini Cachia tgħid li l-Ministru Owen Bonnici ma xehedx l-istess ħaġa fuq din il-kwistjoni fl-inkjesta pubblika.
Sephora Francalanza
13:26 Ix-xhud jiċħad li l-kawża kontra Daphne Caruana Galizia kienet idea tagħhom.
Sephora Francalanza
13:26 Jgħid li l-email li jiftakar hi waħda twila ta' Christian Kalin.

"Ma nafx jiena kontx involut f'aktar emails, mhux qed ngħid le."
Sephora Francalanza
13:25 L-Imħallef Abigail Lofaro tgħidlu, "Xejn ma tkellimt inti fl-emails?"

Cardona jgħid li ma jiftakarx imma li l-probabbiltà hi li qabel ma' Owen Bonnici li għandha tintbagħat ittra u mhux tinfetaħ kawża.
Sephora Francalanza
13:24 L-Avukat Pawlu Lia jintervjeni u jgħid, "Staqsu lil Kalin allura."
Sephora Francalanza
13:24 Jonathan Cardona jgħid li kienet deċiżjoni ta' Henley & Partners li jiftħu l-kawża barra minn Malta.
Sephora Francalanza
13:22 Il-Bord jikkummenta kif l-artikli kienu qed jinkitbu f'Malta, mhux barra. L-Imħallef Emeritu Michael Mallia jgħid li jidher li Kalin stess iddeċieda li l-kawża tinfetaħ barra minn Malta.

L-email jgħid, "This was discussed with Keith and Jonathan who all support this action."
Sephora Francalanza
13:22 Ix-xhud ikompli jgħid li Henley & Partners ħassew li l-artikli miktubin minn Caruana Galizia kienu qed jagħmlulhom ħsara fuq skala internazzjonali.
Sephora Francalanza
13:21 Mistoqsi jekk huma ssuġġerewx li jitqabbdu avukati Maltin, ix-xhud ma jiftakarx.

"Li niftakar l-ispirtu ta' don't go for a case, write a letter," jispjega Cardona.
Sephora Francalanza
13:21 Mistoqsi fuq avukati Ingliżi, Cardona jgħid li dawn kienu l-avukati ta' Henley & Partners.
Sephora Francalanza
13:21 Cardona jgħid li sa fejn jaf hu, qatt ma nfetħet din il-kawża, imma hu ma segwiex is-sitwazzjoni.
Sephora Francalanza
13:21 "More or less dak kien l-eżitu. Nifhem li ħaddieħor jaf jaraha differenti mill-perspettiva tiegħu. Ħassejt li kien hemm de-escalation tas-sitwazzjoni."
Sephora Francalanza
13:20 Bonnici ta l-opinjoni li normalment l-ewwel tintbagħat ittra, u mbagħad tinfetaħ kawża.
Sephora Francalanza
13:20 Kalin kien ilmenta fuq kitbiet ta' Daphne Caruana Galizia li ħassewhom malafamati bihom. Urew ix-xewqa li jiftħu kawża kontriha.
Sephora Francalanza
13:19 Ix-xhud jgħid li kultant żmien Kalin u xi persuni oħra jiġu Malta biex jiltaqgħu mal-Ministru responsabbli mill-programm, dak iż-żmien kien Owen Bonnici.
Sephora Francalanza
13:18 Il-Bord qed jikkwota xi emails ta' Kalin mibgħuta lil Cardona, b'Joseph Muscat u Owen Bonnici inklużi, li jsemmu lil Daphne Caruana Galizia u proċeduri li kellhom jittieħdu kontriha.
Sephora Francalanza
13:17 Ix-xhud kien jitkellem mal-ħaddiema ta' Henley & Partners f'Malta li kienu Stuart McPeters u Mark Stanard.
Sephora Francalanza
13:17 Cardona jgħid li għandu relazzjoni professjonali ma' Kalin. Fil-bidu kien hemm skambji bejniethom, imma aktar kemm għadda żmien, Cardona aktar kien jikkomunika mat-tim ta' Henley & Partners li jaħdem f'Malta.
Sephora Francalanza
13:17 Peress li s-suġġett laħaq livelli Ewropej, kienu introduċewh ma' Kalin f'Kastilja.
Sephora Francalanza
13:16 Sar jafu fil-bidu ta' Jannar tal-2014. Dak iż-żmien kien il-Kap tas-Segretarjat tad-Deputat Prim Ministru Louis Grech.
Sephora Francalanza
13:15 Il-Bord jgħid li hu interessat fir-relazzjoni tax-xhud ma' Christian Kalin ta' Henley & Partners.
Sephora Francalanza
13:15 Bħalissa perjodu ta' tranżizzjoni. Jgħid li hu kien Kap Eżekuttiv tas-sistema tal-IIP xorta waħda.
Sephora Francalanza
13:15 Jispjega li s-sistema tal-IIP waslet biex tingħalaq – il-programm kurrenti m'għandux isem.
Sephora Francalanza
13:13 Ix-xhud jgħid li huwa l-Kap Eżekuttiv ta' aġenzija li għadha kif inħolqot issa, il-Community Malta Agency. Ilha madwar ġimagħtejn li twaqqfet. Din tieħu ħsieb iċ-ċittadinanza Maltija – lil min tingħata u fuq liema bażi, pereżempju permezz taż-żwieġ.
Sephora Francalanza
13:13 Jonathan Cardona jibda jixhed.
Sephora Francalanza
13:11 Jidħol Jonathan Cardona, ix-xhud tal-lum.
Sephora Francalanza
13:11 Fl-awla daħlu wkoll l-Avukati Pawlu Lia u Ramona Attard.
Sephora Francalanza
13:11 Dħalna fl-awla. Il-Bord diġà huwa preżenti.
Sephora Francalanza
13:00 L-awla għadha ma nfetħitx u għadna qed nistennew fil-kuritur, barra awla 20.
Sephora Francalanza
12:59 Insellmulkom u nilqgħukom għal dan il-blogg.
Sephora Francalanza

Fl-aħħar seduta xehed l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-aktar persuna ta’ profil għoli li qatt xehdet f’inkjesta pubblika.

Xi spikka mix-xhieda ta’ Joseph Muscat?

  • “L-inkjesta qed tfalli miżerabbilment”
  • “Matul is-snin kien hemm diversi karozzi bomba, u każ wieħed biss kien solvut, dak li ninsabu preżenti dwaru hawn illum”
  • “Qatt ma rreaġixxejt għall-gossip li ġieli ppubblikat Daphne dwari; lil dawk li kienu jkellmuni dwarhom kont ngħidilhom biex jinjoraw”
  • “Keith Schembri infurmani li ngħata parir li jiftaħ kumpanija offshore għax kellu problemi mal-bank. Għamel żball fetaħha”
  • “Għall-inkjesta Egrant intefqu €2 miljun; din kienet gidba”
  • “Kitchen cabinet? Xi ħadd tema’ din il-frażi lil Prof. Edward Scicluna u dan għamilha tiegħu”
  • “Huwa fatt li biex Gvern ikun suċċess għandu bżonn relazzjoni tajba mal-komunità tan-negozji”
  • “Qatt ma ltqajt ma’ Yorgen Fenech privatament f’Kastilja”
  • “Iva, konna ħbieb jien u Yorgen, konna nibagħtu l-messaġġi lil xulxin. Kont naf li kien ħabib ta’ Keith Schembri”
  • “Ġieli bgħatna ritratti tal-ikel, inbid u whiskey fuq WhatsApp imma qatt m’għaddejna ritratti ta’ nisa bejnietna”
  • “Il-pulizija infurmawni li mhux qed jaqblu mal-Europol fuq il-mod kif kellhom isiru l-investigazzjonijiet u jien tajthom parir li jsegwu l-istruzzjonijiet tal-Europol”
  • Dwar il-Panama Papers u li ma ġegħilx lil Konrad Mizzi u Keith Schembri jirriżenjaw: “Jista’ jkun li għamilt ġudizzju politiku ħażin”: 
  • “Ma stajtx nibqa’ Prim Ministru meta idi l-leminija (Keith Schembri) ġiet arrestata”
  • “Għandi ħafna aktar żrar fiż-żarbun” qal Muscat bi tbissima fuq wiċċu
  • Muscat qal fejn kien qiegħed fil-ħin li nqatlet il-ġurnalista
  • Muscat qal li wara li Keith Schembri rreżenja, hu ngħata l-parir li jsejjaħ elezzjoni ġenerali imma rrifjuta li jagħmel dan
  • “Daphne saret l-Oppożizzjoni,” qal Muscat

Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.