Inkjesta Daphne: Il-partiti jirreaġixxu għall-kritika tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Gvern

Read in English.

Wara li l-bieraħ kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa f’vot kważi unanimu qal li l-inkjesta li niedha l-Gvern dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ma tissodisfax il-kriterji tal-Kunsill, il-partiti politiċi qalu tagħhom dwar is-suġġett. Dr Adrian Delia, Kap tal-PN qal fi stqarrija li dan il-vot ikompli jtappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Il-Partit Laburista wieġeb billi qal li Delia qed iċedi għall-pressjoni tad-deputat Jason Azzopardi.

L-Ażerbajġan biss favur Muscat – Delia

Il-Kap tal-PN qal li kien l-Ażerbajġan biss li vvota “mal-Gvern ta’ Joseph Muscat biex ma ssirx inkjesta pubblika fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia skond il-kriterji tal-istess Kunsill tal-Ewropa”. Huwa żied jgħid li l-Kunsill tal-Ewropa kixef  dak li huwa iddeskriva bħala “l-ingann tal-Gvern”  li kien jgħid li qed jikkonsulta mal-Kunsill tal-Ewropa fuq it-termini ta’ referenza u l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Inkjesta Pubblika. Delia qal li dan ma kienx minnu għax issa l-Kunsill  “ikkritika t-termini ta’ referenza u l-mod li bih hi magħmula l-Inkjesta li ħatar Joseph Muscat.”

Huwa tenna l-appelli tiegħu biex il-Gvern flok ikompli “bit-tkaxkir tas-saqajn” jagħmel ġustizzja mal-ġurnalista maqtula; qtil li ta daqqa kbira lir-reputazzjoni ta’ Malta.

Ċeda għall-pressjoni – il-Partit Laburista

Il-Partit Laburista min-naħa tiegħu qal li Delia għall-ewwel kien kawt “għax hu stess jaf’ li n-nies nominati għall-inkjesta huwa integri. Iżda, kompla l-PL, Delia issa ċeda “għall-pressjoni ta’ dawk fil-PN li jattakkaw lil kulħadd basta jkomplu bil-kampanja tagħhom kontra Malta barra minn xtutna.” Il-PL semma lid-deputat Jason Azzopardi b’ismu. Il-PL qal li jistenna li Azzopardi jiffaċċja bil-fatti “lil min jagħmel dikjarazzjonijiet mimlija ineżattezzi kontra Malta” u jitlob spjegazzjoni u azzjoni dwar dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra.

Il-kritika tal-Kunsill tal-Ewropa

Il-Kumitat tal-Affarijiet legali u d-drittijiet tal-bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, it-Tlieta, b’vot kważi unanimu approva l-pożizzjoni tar-rapporteur Pieter Omtzigt illi l-inkjesta li għadu kif ħabbar il-Gvern ma tissodisfax il-kriterji tal-Kunsill tal-Ewropa.

Il-gvern wieġeb li r-rapport ta’  Omtzigt kien mimli żbalji iżda semma eżempju wieħed biss ta’ dak li l-Gvern iqis bħala żball.

AQRA: Assassinju Daphne: Il-Kunsill tal-Ewropa jikkritika l-inkjesta pubblika

Għalaq 70 sena

Sadanittant fi stqarrija d-deputati Carm Mifsud Bonnici u Jason Azzopardi fakkru li illum il-Kunsill tal-Ewropa iċċelebra s-sebgħin sena mit-twaqqif tiegħu. Huwa appellaw lill-Gvern  biex “jagħti każ sew u jimplimenta, mhux jaħrab, ir-rapporti li jirċievi regolarment” biex  “pajjiżna javvanza iktar fil-progress demokratiku u l-ġustizzja soċjali.”