Read in English.
Il-Gvern ta’ Malta ħabbar li ntlaħaq ftehim mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia dwar il-membri u t-termini ta’ referenza tal-Inkjesta Pubblika Indipendenti fl-assassinju tagħha.
Fi stqarrija il-Gvern spjega li l-Imħallef Emeritu Michael Mallia se jibqa’ jokkupa r-rwol ta’ chairperson. Intant intlaħaq ftehim dwar il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro bħala l-membri ġodda.
Aqra: Inkjesta Daphne: Pajjiżi Ewropej mitluba jaraw li tkun indipendenti
Il-Professur Ian Refalo u Dr Anthony Abela Medici, li kienu ġew nominati bħala membri fuq il-Bord, irtiraw l-aċċettazzjoni tagħhom biex iservu fuq il-Bord fid-dawl ta’ dan il-ftehim. Il-Gvern qal li bħala sinjal ta’ rieda tajba matul it-taħditiet ma kienx ġie amministrat il-ġurament meħtieġ bil-liġi qabel il-bidu tal-inkjesta lit-tliet membri tal-Bord.
Ġie spjegat li fid-dawl li l-Imħallef Abigail Lofaro hija wkoll membru sedenti tal-Ġudikatura, saru wkoll konsultazzjonijiet mal-Prim Imħallef biex jiġu mitigati xi effetti negattivi li jista’ jkun hemm fuq l-amministrazzjoni tal-każijiet attwali li għandha l-Imħallef Lofaro.
Aqra: Inkjesta Daphne: Il-partiti jirreaġixxu għall-kritika tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Gvern
Ġew ukoll varjati t-termini ta’ referenza tal-Bord ta’ Inkjesta Pubblika Indipendenti fid-dawl tad-diskussjonijiet bejn il-familja Caruana Galizia u l-gvern. Kien hemm total ta’ tmien termini maqbula. L-inkjesta trid tiddetermina jekk xi entità tal-istat iffaċilitatx l-assassinju jew naqqsitx milli tipprevjenih. Trid ukoll tistabbilixxi jekk l-Istat kellux u għandux fis-seħħ dispożizzjonijiet ta’ liġi kriminali effettivi u mezzi oħra prattiċi.
Preżenti għal-laqgħat li wasslu għal dan il-ftehim kien hemm il-Prim Ministru, l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u l-Avukat Ġenerali għan-naħa tal-gvern, u l-Avukat Joseph Zammit Maempel, l-Avukat Therese Comodini Cachia u membri tal-familja Caruana Galizia.
Aqra: Inkjesta Daphne: Prof. Refalo mhux imparzjali – Repubblika
“Kellhom jgħaddu sentejn” – Delia
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia b’reazzjoni qal li kellhom jgħaddu sentejn biex il-Gvern aċċetta li jagħmel dmiru. Żied jgħid li fl-istess sentejn li naqas milli jipproteġi l-interess pubbliku, għadda lil pajjiż minn skrutinju u kritika qawwija.
“Għadna ‘l bogħod mill-wasla fit-triq it-twila għall-ġustizzja” – Repubblika
Fi stqarrija, l-għaqda Repubblika qalet li tilqa’ li l-gvern fl-aħħar aċċetta li tinfetaħ inkjesta indipendenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
“Għadna ‘l bogħod mill-wasla fit-triq it-twila għall-ġustizzja. Biex nibdew dak li kixfet Daphne bil-ġurnaliżmu tagħha – li wassal għall-assassinju tagħha – irid ikun mistħarreġ mill-awtoritajiet skont il-liġi u ssir ġustizzja mall-korrotti u mal-kriminali.”
L-għaqda qalet li kien hemm bżonn 25 xahar ta’ tkaxkir tas-saqajn u 25 xahar ta’ protesta u appelli mill-familjari ta’ Daphne, mis-soċjetà ċivili, u mill-komunità internazzjonali biex il-Gvern għamel dak li kien obbligat jagħmel mill-bidu nett skont il-liġi.
“Il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tobbliga lill-gvern li ssir din l-inkjesta u l-gvern kiser din il-Konvenzjoni għal kull jum ta’ dawn l-aħħar 25 xahar.”
“Fl-aħħar it-talb tagħna nstema'” – familja Caruana Galizia
Il-familja Caruana Galizia qalet li sa fl-aħħar it-talb tagħha għal inkjesta indipendenti u imparzjalni nstema’. Il-Gvern Malti issa jrid jgħati s-sapport sħiħ lill-Bord ta’ Inkjesta sabiex iċ-ċirkustanzi li wasslu għal dan il-qtil jiġu identifikati mingħajr aktar dewmien. Dan se jwassal biex jittieħdu l-lezzjonijiet meħtieġa u ssir ġustizzja.
Il-familja qalet li tittama li l-evidenza li se tinġabar permezz tal-inkjesta tiggarantixxi li l-ebda ġurnalist ieħor ma jinqatel f’Malta u anke barra. Qalet li qed tistenna li l-inkjesta titħalla b’riżorsi biżżejjed biex tagħmel ix-xogħol tagħha fi żmien diċenti u li l-Gvern b’mod immedjat jimplementa kull rakkomandazzjoni maħruġa.