Inkjesta air ambulance: “Nistenna r-riżultat” – Ministru għall-Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li hija tafda is-servizz ta’ l-ambulanza tal-ajru provdut minn Steward Healthcare u li bħalissa qiegħed taħt inkjesta mitluba mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Fl-24 ta’ Awwissu kien ġie irrappurtat li l-ħelikopter tal-kumpanija Steward Healthcare ma kienx qed jaħdem. Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qal fuq Facebook li fl-istess ġurnata, pazjent iddaħħal l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex filgħodu f’kundizzjoni kritika u ma ttiħidx lejn l-Isptar Mater Dei qabel l-4.30pm. Spjega li dan kollu seħħ għax l-ambulanza tal-ajru ma kinitx qed taħdem. Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne talab li tinfetaħ inkjesta dwar il-każ.

L-ambulanza tal-ajru ma kinitx qed taħdem – sorsi

Professjonisti li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt dwar il-kaz imsemmi qalu li l-pazjent kien f’qagħda kritika u kien għalhekk li t-tobba ordnaw li jittieħed l-Isptar Mater Dei b’urġenza. Ġara li l-ambulanza tal-ajru ma kinitx qed taħdem u għalhekk iddaħħal fis-sala tas-CCU sakemm reġgħet iddaħħlet taħdem l-ambulanza tal-ajru.

Għaliex ikkummentat?

Il-Ministru Caruana qalet li tafda s-servizz provdut f’Għawdex minn Steward Healthcare u qalet ukoll ma’ Newsbook.com.mt li l-prudenza titlob li l-ewwel, wieħed jara x’inhu l-eżitu tal-inkjesta qabel ma jsiru kummenti dwar il-każ.

Ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministru Caruana ċaħdet li fuq Facebook kitbet li l-ambulanza tal-ajru kienet “standby” iġifieri li l-ħelicopter kien lest għall-pazjent iżda jekk wieħed jerġa’ jaqra dan il-post jara mod ieħor.

Newsbook.com.mt staqsa lill-Ministru x’wassalha biex titkellem dwar il-każ allavolja hija mhix responsabbli għall-isptar ta’ Għawdex. Il-Ministru Caruana stqarret li hi għandha jkollha l-għażla li titkellem peress li hi l-Ministru għal Għawdex u hi responsabbli dwar l-affarijiet ta’ Għawdex.

Għal diversi drabi fil-Parlament, il-Ministru Caruana naqset milli twieġeb mistoqsijiet relatati mal-isptar u l-edukazzjoni f’Għawdex għax qalet lill-Membru Parlamentari li jkun staqsa biex ma jistaqsix lilha iżda biex jistaqsi “lill-Ministru kkonċernat”.