Inkjesta Egrant: Pubblikazzjoni tar-rapport ġej fit-tul

Ġimgħa wara li saru magħrufa l-konklużjonijiet tal-Maġistrat Aaron Bugeja fl-inkjesta Egrant, il-pubblikazzjoni tal-inkjesta sħiħa tidher li għadha ġimgħat ‘il bogħod. Il-ġurnal The Sunday Times jirrapporta li l-istennija mistennija tkun twila.

Sorsi qrib l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, jgħidu mas-Sunday Times li tal-inqas iridu jagħtu ftit ġimgħat mhux ħażin minkejja li l-Prim Ministru ta l-kelma tiegħu li se jippubblika l-inkjesta fl-intier tagħha.

Fir-rapport ‘Long wait for Egrant inquiry’, il-ġurnal jgħid li l-Gvern qed ikun rakkomandat kontra l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Maġistrat Bugeja.

Min-naħa tagħhom, it-Taqsima tal-Krimini Ekonomiċi tal-Pulizija għadha qed tipprova ssib tarf ir-rapport tal-1,500 paġna tal-inkjesta. S’issa ġew ippubblikati 49 paġna ta’ konklużjonijiet.

The MaltaToday tgħid li skont sorsi qrib l-inkjesta, l-eks investigatur tal-FIAU, Jonathan Ferris stqarr mal-Maġistrat Bugeja li l-kumpanija Egrant hija tal-Partit Laburista.

Il-MaltaToday tgħid li żewġ sorsi qrib l-inkjesta kkonfermaw magħha li Ferris ġab din l-informazzjoni mingħand l-eks kummissarju Ewropew John Dalli.

Min-naħa tagħha, The Malta Independent on Sunday tgħid li l-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa stqarr f’intervista mal-gazzetta li minkejja l-konklużjonijiet tal-inkjesta, il-whistleblower Russa Maria Efimova ngħatat raġun dwar il-lista tal-klijenti tal-Pilatus Bank u l-konnessjoni bejn il-Bank, Nexia BT u Henley & Partners.

Dwar David Casa, l-Illum tirrapporta li l-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) mistennija titlob li titneħħielu l-immunità parlamentari biex jittieħdu proċeduri kontrih wara l-pubblikazzjoni tar-rapport klassifikati tal-FIAU, minkejja li l-istess Casa mistenni jikseb l-appoġġ tal-Parlament Ewropew.