Inkwetanti li l-Gvern juża l-immigranti bħala problema għas-sigurtà – Kummissjoni tal-Knisja

Miguela Xuereb

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi qalet li meta wieħed jippreżenta sitwazzjoni umanitarja bħala problema ta’ sigurtà nazzjonali hija inkwetanti. Din l-istqarrija saret fid-dokument ta’ qabel il-Baġit 2020 bit-titlu “Naħsbu fil-ġid komuni fit-tul”. Id-dokument jinkludi għadd ta’ rakkomandazzjonijiet li jirriflettu tlieta mill-miri għall-iżvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-2030. 

Dwar ir-refuġjati, il-Kummissjoni qalet li l-lingwaġġ li sfortunatament intuża mill-Gvern fid-dokument tiegħu ta’ qabel il-Baġit jista’ jkollu konsegwenzi serji fuq kif il-poplu jħares lejn din il-kwistjoni. Kompliet tgħid li aġir bħal dan mill-istituzzjonijiet li qed jiggvernawna jista’ jwassal biex ikompli jrewwaħ il-fjammi fuq is-sentimenti xenofobiċi li sfortunatament diġà jinsabu b’saħħithom f’ċerti oqsma tas-soċjetà.

Il-Kummissjoni pproponiet li jsir investiment kbir fl-Initial Reception Centre u ħeġġeġt ukoll lill-Gvern biex jinstabu akkommodazzjonijiet alternattivi għal dawk l-individwi li qed ifittxu l-ażil.

Dwar il-mira tal-eradikar tal-faqar, il-Kummissjoni tal-Knisja qalet għandu jkun hemm akkomodazzjoni affordabbli permezz ta’ garanziji li jista’ jagħti l-Gvern fuq self fuq proprjetà u tnaqqis tal-interessi fuq is-self fuq il-proprjetà meta tinħadem it-taxxa fuq id-dħul.

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi ressqet ukoll proposti relatati mal-mira 3 dwar saħħa u benesseri u proposti oħrajn marbuta mal-mira 8 dwar xogħol diċenti u tkabbir ekonomiku.

Id-dokument sħiħ jinsab hawn.