“Inkeċċu lill-ħallelin, mhux inwaqqgħu t-tempju” – Bartolo

Fil-messaġġ tiegħu ta’ kuljum, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo uża silta mill-Bibbja biex jesprimi l-fehma tiegħu fuq il-qagħda politika tal-pajjiż u tal-Partit Laburista. Huwa qal li jeħtieġ li jitkeċċew il-ħallelin u mhux li jitwaqqa’ t-tempju.

Bartolo dan qalu b’referenza għall-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, li qed jiġi investigat fuq qtil. L-Ispettur tal-Pulizija Keith Arnaud qal dan ilbieraħ fil-qorti, fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Ministru semma s-silta fil-Bibbja meta Ġesù sab lill-bejjiegħa fit-tempju, tmasħan għalihom u keċċiehom, iżda “ma waqqax u ħatt it-tempju.” Bartolo qal li peress li l-qasam reliġjuż mhux dejjem huwa dar it-talb, ma jistagħġibx li lanqas il-politika u n-negozju ma huma dar it-talb, iżda, fi kliemu, m’hemmx bżonn ikunu briedel.

Temm jgħid li l-Maltin m’għandhomx jinfexxu fi gwerer tribali kontra xulxin, imma “nnaddfu din l-art ħelwa u morra bla ma nwaqqgħu u nħottu t-tempju.”