Inizjattiva biex żoni protetti jibqgħu aċċessibbli għal kulħadd

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta ssieħbet fl-inizjattiva ‘Spazji Miftuħa’ filwaqt li sejħet għar-restrizzjoni fuq żviluppi fi spazji protetti f’Malta. Dan biex ikun assigurat li ż-żoni protetti jibqgħu aċċessibbli għal kulħadd matul is-sena kollha.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni qalet li qed tagħmel ir-riflessjoni tagħha fuq l-importanza tal-aċċess liberu għall-ispazji miftuħa għal kulħadd hekk kif is-soċjetà Maltija jidher li riesqa lejn it-tmiem tal-partial lockdown. Dan qed isir fil-ġimgħa fejn qed niċċelebraw il-ħames anniversarju mill-publikazzjoni tal-enċiklika Laudato si’ tal-Papa Franġisku, “Fuq il-Kura tad-Dar Komuni Tagħna”.

L-importanza tal-aċċess tal-ispazji miftuħa, speċjalment fil-kuntest ta’ żoni li huma densament popolati jissemma f’din l-enċiklika. Il-Kummissjoni qalet li fil-lockdown ta’ dawn l-aħħar ġimgħat wieħed seta’ jinduna bin-nuqqas ta’ spazji miftuħa li jistgħu joffru nifs mill-istorbju, l-ġenn u t-tniġġis tal-ibliet u l-irħula.

“Waħda mit-temi prinċipali tal-Laudato si’ hi propju l-fatt li r-razza umana qiegħda kulma tmur turi attitudni ta’ dominazzjoni u sfruttar tal-ambjent naturali, u dan b’detriment tal-umanità stess (par. 101-136). Laudato si’ twissi wkoll li meta l-ambjent jiġi sfruttat, ħafna drabi l-ewwel li jsofru huma l-foqra (par. 170), li jinkludu mhux biss dawk li mhumiex sinjuri biżżejjed sabiex jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom, imma anke dawk kollha li jinsabu fil-periferija tas-soċjetà.”

Ispirati minn din l-osservazzjoni, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi sejħet biex postijiet naturali jkunu protetti minn żvilupp eċċessiv, ikunu salvagwardjati għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, u jkunu aċċessibbli għal kulħadd. Kif jingħad fl-enċiklika tal-Papa, din it-tip ta’ protezzjoni mhix importanti biss għal raġunijiet ambjentali imma wkoll għal raġunijiet ta’ ġustizzja soċjali, fejn xi ħaġa li hi essenzjali għall-benesseri ta’ kulħadd, titħares u titgawda b’mod liberu minn kulħadd.

“Wieħed jifhem li biex ikun hemm il-protezzjoni u l-preservazzjoni neċessarja tal-ekosistemi tagħna, xi drabi l-aċċess għal dawn l-ispazji pubbliċi għandu jiġi ristrett,” insistiet il-Kummissjoni. Qalet li huwa importanti iżda li jkun hemm distinzjoni ċara bejn restrizzjonijiet dwar l-aċċess għal fini tal-ġid komuni, u restrizzjoni għall-benefiċċju tal-ftit. Qalet li post li l-aċċess tiegħu jingħalaq sabiex jiġi protett l-ambjent naturali tiegħu hu għas-servizz tal-ġid komuni. Min-naħa l-oħra li spazju fejn l-aċċess tiegħu jkun magħluq għal fini ta’ attivitajiet privati, fejn bħala konsegwenza jwassal għad-dannu u l-qerda tal-ambjent, m’għandux iseħħ.