Inizjattiva biex il-lukandi jtejbu l-preżenza fuq l-internet

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u dik għall-Komunikazzjoni (MCA) ħolqu inizjattiva, ‘WebCheck’, li permezz tagħha jgħinu lil lukandi f’Malta biex itejbu l-viżibilità tagħhom fuq l-internet.
Il-31 lukanda ta’ żewġ, tliet u erba’ stilel u guesthouses li ħadu sehem fl-inizjattiva rċevew rapport li jidentifikalhom suġġerimenti dwar kif itejbu l-preżenza tagħhom fuq l-internet.
L-inizjattiva ntemmet b’seminar, li sar dan l-aħħar, li fih ġew diskussi r-riżultati tal-analiżi teknika li saret waqt li ż-żewġ awtoritajiet ippubblikaw fuljett biex jipprovdu iktar informazzjoni dwar is-suġġerimenti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, Paul Bugeja fakkar li 70% tat-turisti jibbukkjaw il-btala tagħhom jew parti minnha permezz tal-internet. Għalhekk hu dejjem iktar importanti li l-lukandi jtejbu l-preżenza tagħhom onlajn biex jibqgħu kompetittivi.
L-MTA qed tevalwa l-possibilità li toħloq unur għall-preżenza fuq l-internet bħala parti mill-inizjattiva tagħha STAR Awards, kif ukoll li torganizza iktar seminars ta’ taħriġ bis-sehem ta’ esperti.