​Inizjattiva biex aktar siti Maltin ikunu fuq il-lista tal-UNESCO

Bdiet inizjattiva biex aktar siti Maltin u Għawdxin ikunu fuq il-lista tal-Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika u Kulturali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNESCO).
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Kultura fakkar kif hija wegħda elettorali tal-Gvern li jsaħħaħ l-investiment fil-konservazzjoni u r-restawr tal-wirt kulturali.
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li għal dan il-proġett inħass il-bżonn li l-Ministeru jingħaqad mal-Università ta’ Malta. Mhux biss għax huwa meħtieġ li dan ix-xogħol isir min-nies tas-sengħa li jaqgħu taħt il-Ministeru, imma ssir ukoll r-riċerka meħtieġa biex il-UNESCO tilqa’ u tirrikonoxxi l-applikazzjonijiet tagħha. Skont Bonnici, fl-Università hemm riċerkaturi li jistgħu jgħinu biex is-siti jiġu rikonoxxuti.
Min-naħa tal-Ministeru, dan il-proġett se jkun immexxi minn Dr Anthony Pace. Il-Ministru Bonnici ħabbar, li Joe Magro Conti se jassumi l-kariga ta’ Superintendent tal-Patrimonju Kulturali sa qabel l-aħħar ta’ dan ix-xahar wara perjodu qasir ta’ transizzjoni. Skont il-Ministeru, Joe Magro Conti għandu esperjenza vasta f’dan il-qasam. Huwa għandu Master’s degree fl-immaniġġjar tal-Wirt Kulturali (Università ta’ York), first degree fl-arkeoloġija mill-Università ta’ Malta, apparti li ilu involut fil-qasam tal-wirt kulturali f’diversi oqsma, u għandu esperjenza vasta wkoll fuq xogħol relatat mal-wirt kulturali, fosthom skavar fuq diversi siti arkeoloġiċi.
Il-ftehim kien iffirmat mir-Rettur tal-Università ta’ Malta Alfred Vella u mis-Segretarju Permanenti Johan Galea f’isem il-Ministeru għall-Kultura.
Fl-14 ta’ Novembru 1978, Malta rratifikat il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni fil-qasam tal-Wirt Dinji Kulturali u Naturali, li ġiet adottata fl-1972. Sal-1980, Malta kellha tliet siti rikonoxxuti mill-UNESCO. Dan huma l-Belt Valletta, it-Tempji Megalitiċi, u l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni.