Inizjattiva ta’ talb tar-Rużarju fl-Imqabba

Għal ħafna devoti tal-Madonna x-xahar t’Ottubru huwa dejjem wieħed speċjali hekk kif dan ix-xahar huwa x-xahar dedikat lir-Rużarju Mqaddes. Għalhekk huma bosta dawk li matul ix-xahar t’Ottubru jagħżlu li jesprimu d-devożjoni Marjana tagħhom permezz tat-talba tar-Rużarju. 
Huwa f’dan l-ispirtu li maul ix-xahar t’Ottubru kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa fis-7.00 ta’ filgħaxija quddiem il-monument tal-Madonna tal-Ġilju li jinstab fil-ġnien li jġib l-istess isem fil-bypass tal-Imqabba se ikun organizzat it-talb tar-Rużarju Mqaddes.
Din l-inizjattiva qiegħda ssir mill-Kummissjoni Nisa fi ħdan is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju fl-Imqabba. 
L-istess soċjetà fi stqarrija ħeġġet lid-devoti kollha tal-Madonna sabiex jattendu din l-inizjattiva mill-isbaħ.