L-aħħar żviluppi fil-Kriżi PN

Aġġornat 09:09 PM

Read in English.

18:15: Il-President iħassar il-laqgħat ma’ deputati Nazzjonalisti

17:25: Kelliema għall-President tgħid ma’ Newsbook.com.mt li l-President qed jimxi skont kif tistipula l-Kostituzzjoni.

17:00: Għadd ta’ Membri Parlamentari Nazzjonalisti qed jiltaqgħu mal-President George Vella.

15:15 Kelliema għall-Uffiċċju tal-President tgħid ma’ Newsbook.com.mt li f’dan l-istadju ma tistax tgħaddi informazzjoni. Erba’ sigħat qabel il-President innifsu qal ma’ ġurnalista ta’ dan is-sit li l-Università, mhux il-post fejn se jikkummenta dwar dan is-suġġett

14:30: Louis Galea, li bħalissa qed imexxi r-riforma fil-Partit Nazzjonalista, qal li kiteb lill-President tal-Eżekuttiv Alex Perici Calascione biex jitlaqqa’ l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex fl-iqsar żmien possibbli jagħżel tim ġdid għat-tmexxija tal-partit. Sostna li fiċ-ċirkostanzi huwa biss tim ġdid li jista’ jassigura li l-partit jadotta dawk il-miżuri u proposti meħtieġa biex jirriforma u jiġġedded.

14:15: Kristy Debono tirriżenja minn President tal-Kunsill Ġenerali

Id-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono rriżenjat minn President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Hija ħabbret dan fuq Facebook fejn ippubblikat dak li kitbet lill-Kap tal-PN Adrian Delia u lis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli.

14:14: Il-President jista’ jaġixxi biex ineħħi l-Kap tal-Oppożizzjoni

Il-President ta’ Malta jista’ jaġixxi biex ineħħi l-Kap tal-Oppożizzjoni. F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello qal li l-Kostituzzjoni tħalliha fil-“ġudizzju” tal-President jekk il-persuna magħżula  bħala Kap tal-Oppożizzjoni tgawdix il-fiduċja tal-maġġoranza tal-membri tal-partit jew partiti tal-Oppożizzjoni.

13:00: “Mill-Kap ‘l isfel kulħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà” – Perici Calascione

Il-President tal-Eżekuttiv tal-PN Alex Perici Calscione ħeġġeġ biex fid-dawl tal-iżviluppi u l-istqarrijiet li saru kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu. Huwa qal dan fi stqarrija fuq Facebook fejn speċifika li “kollha kemm aħna, mill-Kap ‘l isfel, l-uffiċjali kollha, l-Ezekuttiv, l-Amministrattiv u l-Grupp Parlamentari għandu jogħla lil ‘hinn minnu nifsu u jaqdi dmiru kulħadd skont ir-responsabbiltà li jġorr”.

12:40: Robert Arrigo jħabbar l-intenzjoni li se jirriżenja

Id-deputat Nazzjonalista Robert Arrigo indika li se jkun qed jirriżenja mill-kariga ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Sorsi qalu lil Newsbook.com.mt li Arrigo kiteb li se jibqa fil-kariga sal-aħħar attività li hemm ippjanata jiġifieri sal-Kunsill Ġenerali u l-maratona ta’ ġbir ta’ fondi għall-Partit Nazzjonalista.

Huwa kellu kliem iebes għal deputati li fi kliemu ma ħadmux għall-ġid tal-partit iżda fixkluh. Semma wkoll li l-mibiegħda qed tifni l-partit.

11:35: 17-il MP tal-PN iridu lil Delia jirriżenja

17-il Membri Parlamentari Nazzjonalista esprimaw it-tħassib tagħhom għat-tmexxija ta’ Adrian Delia u talbuh jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu.

Fi stqarrija, deputati Nazzjonalisti qalu li għal-laqgħa kien hemm 25 deputat li minnhom ħadu sehem 21 fid-diskussjoni. Min dan l-ammont kien hemm 17-il deputat illi ħassew li minħabba r-riżultat tal-istħarriġ li sar, “fl-interess tal-Partit u fuq kollox fl-interess tal-pajjiż, il-Kap tal-Partit għandu jikkunsidra il-pożizzjoni tiegħu jibqax Kap tal-Partit jew le”.

Jgħidu wkoll li kien hemm 4 membri li ma qablux ma din it-talba filwaqt li kien hemm min ma tkellimx. Newsbook.com.mt huwa infurmat li Adrian Delia huwa wieħed minn dawn l-erba’ bit-tlieta l-oħra jkunu s-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli, il-Viċi Kap David Agius u d-deputat Maria Deguara.

Fost is-17-il Membru Parlamentari li ħeġġew tibdil fit-tmexxija tal-PN hemm Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia, Claudio Grech, Claudette Buttigieg, Karl Gouder, Marthese Portelli, Toni Bezzina, Kevin Cutajar, Mario De Marco, Karol Aquilina, Beppe Fenech Adami, Ryan Callus, Chris Said u l-MEPs Roberta Metsola u David Casa.

11:15: Il-kumment tal-President ta’ Malta George Vella dalgħodu dwar il-kriżi politika fil-Partit Nazzjonalista.

Filmat: Miguela Xuereb; Ġurnalista: Monique Agius

11:05: “Ir-riżenja tiegħek trid tkun il-bidu ta’ kapitlu ġdid”

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia stqarret li r-riżenja tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia għandha twassal għal kapitlu ġdid fil-Partit Nazzjonalista u m’għandix titqies bħala abdikazzjoni.

Comodini Cachia hija t-tieni deputat li semmgħet leħinha wara l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista li tlaqqa’ lbieraħ li fih ġie diskuss l-istħarriġ tal-MaltaToday li wera li Delia għandu biss 13% tal-fiduċja tal-elettorat Malti.

Kmieni filgħodu d-Deputat Jason Azzopardi qal li kien jinsab “imdejjaq, imqarraq u sorpriż immens” bir-reazzjoni ta’ Delia wara laqgħa “tajba, taħraq, serena u diretta” li fiha 17-il Membru Parlamentari Nazzjonalisti qalu lil Delia biex jirriżenja.

07:42: “Inħossni mdejjaq, imqarraq u sorpriż” – Azzopardi dwar Delia

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li jħossu mdejjaq, imqarraq u sorpriż immens. Dan qalu b’reazzjoni għall-kummenti li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ta wara l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari li saret ilbieraħ.

Stqarr li l-laqgħa, li damet għaddejja kważi ħames sigħat, kienet waħda “tajba, taħraq, serena u diretta”. Qal li prattikament kull deputat ħa sehem fid-diskussjoni u wrew rispett reċiproku lejn xulxin.

Skont Azzopardi, bil-kummenti konklussivi tiegħu, Delia wera ċar li kien se jirrifletti fuq dak li ntqal u kien se jmur lura għandhom b’deċiżjoni li tirrifletti “l-akbar ġid tal-Partit u tal-pajjiż”.

Is-Sibt 2 ta’ Frar waqt konfernza tal-aħbarijiet fl-uffiċċju tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li kien hemm minn tal-inqas 17-il Membru Parlamentari li esprimew li l-Partit għandu kwistjoni ta’ tmexxija u li Delia għandu bżonn jirriżenja biex iżomm f’moħħu l-akbar ġid tal-Partit u tal-pajjiż. L-unika Membri Parlamentari li ddefendew lil Delia kienu s-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli u l-Viċi Kap David Agius.

Għadd ta’ deputati li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li “s-sitwazzjoni issa hija altru milli ddisprata”. Jistqarru li waqt il-laqgħa tal-bieraħ ħafna minnhom urew ir-rieda komuni li s-sitwazzjoni fil-partit kellha titranġa u għaldaqstant offrew li huma wkoll jagħmlu l-parti tagħhom. Dan qaluh b’referenza għal dak li qalilhom Delia fil-laqgħa li t-tibdiliet iridu jseħħu minn fuq nett sa isfel.

Jason Azzopardi stqarr ukoll li ħassu urtat immens jara li ħames minuti biss wara li l-laqgħa ġiet konkluża, Delia kategorikament qal lill-ġurnalisti li huwa kien se jmexxi lill-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Qal li jħossu użat u l-bona fidi tiegħu abbużata. Stqarr li sfortunatament iħoss li Delia kien diġà ddeċieda u li sempliċement uża l-laqgħa bħala skuża biex iwettaq id-deċiżjoni tiegħu li kienet ippjanata minn qabel.

Huwa reġa’ sostna li dak li ġara mhux ġust.

Temm jgħid li Adrian Delia messu tkellem ċar fil-laqgħa u qalilhom li jgħidu x’jgħidu d-deputati huwa kien se jirrombla fuqhom u fuq il-maġġoranza tal-elettorat. Jason Azzopardi indika li l-maġġoranza tad-deputati qalu lil Delia biex jirriżenja.