“Inħobbok” – Mizzi lil Muscat

Read in English.

L-eks Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi esprima l-imħabba tiegħu lejn il-Prim Ministru Joseph Muscat. Dan permezz ta’ post fuq Facebook wara li lbieraħ filgħaxija ħabbar ir-riżenja tiegħu f’Jannar li ġej.

Din hija l-ewwel darba li Mizzi tkellem wara r-riżenja tiegħu minn Ministru.

Il-Ministru Mizzi, f’ittra lil Muscat fejn irrefera għalih bħala “Joseph”, irringrazzjah tax-xogħol kollu li għamel u tas-suċċess li rnexxielu jikseb għall-pajjiż. Qal li fl-2013, it-tim kollu ta’ Muscat feraħ miegħu u kienu enerġetiċi sabiex flimkien miegħu jaħdmu b’inizjattivi li jagħmlu ġid lill-poplu Malti u Għawdxi.

Mizzi qal li permezz tal-viżjoni ta’ Muscat, il-pajjiż kompla jirreġistra tkabbir ekonomiku rekord, wieħed wara l-ieħor. Qal li traħħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u twettqu proġetti li wasslu għal arja aktar nadifa. Insista li minn dejjem kien warajh u li se jibqa’ warajh sal-aħħar minuta.

Temm jgħid li t-telfa ta’ Muscat, li għandha tiġi f’Jannar li ġej, mhix telfa għall-Partit Laburista, imma telfa għall-Maltin u l-Għawdxin kollha li għandhom għal qalbhom l-interess nazzjonali tal-pajjiż.

F’messaġġ imxandar fuq l-istazzjon Nazzjonali TVM ilbieraħ, il-Prim Ministru qal li huwa lest jerfa’ r-responsabbiltà anke fl-affarijiet li m’għandux x’jaqsam magħhom. Ħabbar li fit-12 ta’ Jannar 2020 se jintgħażel Mexxej Laburista ġdid li fil-ġranet ta’ wara jsir il-PM l-ġdid ta’ Malta. Dan jikkonferma l-aħbar ta’ Newsbook.com.mt li lbieraħ filgħodu żvela l-pjan ta’ Muscat li jirriżenja f’Jannar.

Wara din l-aħbar, il-President ta’ Malta George Vella qal li dawn mhumiex żminijiet normali u dak li għaddej f’Malta bħalissa huwa bla preċedent. Il-President appella għall-kalma. Intant il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mhix se tipparteċipa fl-ebda attività li tinvolvi lil Joseph Muscat bħala Prim Ministru.

L-għaqda Repubblika insistiet li l-Prim Ministru għandu jgħaddi ċ-ċwievet ta’ Kastilja lid-Deputat tiegħu. Dan minħabba li skont l-istess għaqda, fil-messaġġ lin-nazzjon, Joseph Muscat irriżenja biex jibqa’ fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.