Filmat: “Inħobbok iktar minn kollox imma se jkolli nħallik” – omm lit-tarbija

Omm li tat lil binha għall-addozzjoni ħallietlu messaġġ ta’ qsim il-qalb f’filmat fejn spjegatlu għaliex għamlet dan il-pass minkejja li tħobbu b’imħabba li qatt ma mmaġinat li setgħet tħoss.

Hannah, tfajla ta’ 21 sena, iddeċidiet li tħalli lil binha jiġi addottat minn koppja wara li Kaden, missier it-tarbija miet ħabta u sabta.
Hi saret taf li kienet tqila ftit ġimgħat biss wara li gradwat mill-Università, u Kaden kien ferm kuntent meta sema’ qalb ibnu tħabbat għall-ewwel darba.
Minkejja dan, jumejn wara, iż-żagħżugħ miet mewta naturali, proprjament b’attakk tal-qalb.
It-tfajla, ixxokkjata bil-mewt tal-maħbub tagħha riedet li binha jikber b’żewġ ġenituri u għalhekk sabet koppja li kienet lesta taddottah.
Meta twieled Taggart, Hannah sabitha ferm diffiċli li tħalli lil binha, iżda għamlet minn kollox sabiex tgawdih fil-jumejn li kellha miegħu qabel ma jiġu għalih il-ġenituri addottivi.
Fl-aħħar siegħa li kellha miegħu, l-omm irrekordjat messaġġ ta’ qsim il-qalb lil binha sabiex tispjegalu għalfejn għamlet dak li għamlet.
Hi spjegatlu li l-filmat għamlitu sabiex turih kemm verament tħobbu.
Spjegat kemm kien pass diffiċli għaliha li tħalli lil binha jiġi addottat minn familja oħra minħabba li hu kien l-aħħar rikordju ħaj li kellha ta’ missier it-tarbija.
Għaldaqstant, Hannah baqgħet f’kuntant konsistenti mal-familja u ta’ sikwit tqatta’ ħin ma’ binha.