“Inħobbok dejjem” – Josette lil Norman

Awguri lil Norman Hamilton li llum qed jiċċelebra għeluq id-79 sena tiegħu. Twieled f’San Ġiljan bħal-lum it-28 ta’ April tal-1941. Bosta messaġġi biex jawgurawlu xewqat sbieħ bdew deħlin minn kmieni dalgħodu, fosthom dak ta’ martu Josette li barra l-awgurju tagħha kitbitlu li “Żgur li taf. Inħobbok dejjem”. Huma ilhom miżżewġin mis-6 ta’ Lulju 1986 u għandhom żewġt ulied, Davinia u Yasmin.

Ritratt: Facebpook/JosetteHamilton

Għalkemm twieled San Ġiljan, Norman Hamilton qatta’ żgħożitu l-Furjana, ftit ‘il bogħod minn fejn illum għandu l-aġenżija tal-ivjaġġar.

Norman beda fix-xandir fl-1961 bħala dj mal-BFBS, l-ewwel stazzjon tar-radju tas-servizzi Ingliżi. Tlett snin wara emigra l-Ingilterra fejn kellu l-ewwel esperjenza ġurnalistika bħala deputat edtur tal-Post Office Magazine u ftit żmien wara il-Malta House avviċinatu biex jippreżenta minn Londra programm tar-radju darba fil-ġimgħa li kien jixxandar dirett f’Malta permezz tar-Redifussion. Il-programm kien iġib l-isem ta’ Għal Malta minn Londra.

Fl-1966 Joe Grima, li kien għadu kif laħaq kap tal-programmi tar-Redifussion, offrielu biex jiġi lura Malta u jibda jagħmel breakfast show. Norman hekk għamel u bejn l-1967 u l-1972 Norman daħal impjegat mar-Redifussio. Fl-1973 qaleb ma’ Radju Malta li beda jxandar mill-Awtorità tax-Xandir.

Bejn l-1981 u l-1988 Norman Hamilton kellu l-kariga ta’ Kap tal-Programmi ta’ Xandir Maltu kien f’dan il-perjodu li wara li fuq ir-radju kiseb suċċess bil-programm Sibtijiet Sajfin u Sibtijiet Xitwin, beda jwassal programm fuq it-televiżjoni, Sibtijiet Flimkien, li kien l-ewwel programm maratona fqu it-televiżjoni Maltija li qatt ittella’ live.

Fl-1983 Norman kien għamel l-arranġament biex tibda ssir quddiesa mill-istudjos u aktar tard beda jsir link mal-kappella tal-Ursolini fi Gwardamanġa biex b’hekk il-quddiesa tixxandar minn hemmhekk il-Ħadd filgħodu.

Fl-1986 inħatar chairman tal-Malta Song Festival u wara li spiċċa minn din il-kariga huwa beda, fl-1999, proġett eiħor, il-Malta International TV Song Festival, kif ukoll beda jippreżenta wkoll b’suċċess għal bosta snin il-programm tas-Sibt filgħaxija Bla Aġenda.

Fl-aħħar snin Norman kellu l-kariga ta’ Kummissarju Għoli għal Malta fl-Ingilterra u attwalment għandu l-kariga ta’ chairman ta’ Festivals Malta.

L-aħħar programm li Norman ippreżenta fuq it-televiżjoni kien Aġenda li kien jintwera nhar ta’ Tlieta filgħaxija fuq One.

Għal għeluq sninu ħallietlu messaġġ sabiħ it-tifla Yasmin:

Ritratt: Facebook/Yasmin

newsbook.com.mt jingħaqad mal-ħafna li proprju llum qed jawguraw lil Norman Hamilton l-isbaħ xewqat f’għeluq sninu.