“Inħobb naħsel idejja”

Kanzunetta ġdida għat-tfal tippromwovi l-ħasil tal-idejn

Li wieħed jaħsel idejh m’hemmx għalfejn tkun ħaġa tedjuża u ta’ dwejjeq. Anzi, din tista’ tkun ħaġa pjaċevoli, speċjalment jekk tkun akkumpanjata b’melodija tal-widna u ferriħija.

Din kienet l-idea wara kanzunetta ġdida li għadha kemm inħarġet fuq l-internet sabiex tista’ tindaqq u titgawda minn kulħadd.

“Inħobb Naħsel Idejja” hija kanzunetta bil-Malti li tippromwovi l-ħasil tal-idejn bħala mod divertenti kif wieħed  jista’ jżomm mard u mikrobi ‘l bogħod.

Bi kliem u mużika ta’ Michael Piscopo, li hu magħruf għall-kanzunetti popolari ta’ Fonzu l-Fenek u sħabu, u b’arranġament, produzzjoni u kant ta’ Phyllisienne Brincat, il-kanzunetta tistgħu ssegwuha hawnhekk. Din hi akkumpanjata minn filmat ħelu li juri tfal jaħslu jdejhom bi tbissima fuq wiċċhom.

Bħala parti mill-isforzi tal-awtoritajiet tas-saħħa biex irażżnu t-tixrid tal Coronavirus, il-ħin kollu nisimgħu l-esperti mediċi jisħqu dwar l-importanza li wieħed jaħsel idejh ta’ spiss. Dan il-parir importanti japplika għal persuni ta’ kull eta’, iżda forsi b’mod speċjali għat-tfal iż-żgħar.

U dan hu messaġġ li għandu jmur lil hinn mill-pandemija tal-Covid-19. B’hekk, il-ħasil tal-idejn bl-ilma u s-sapun isir mod sempliċi, awtomatiku u pjaċevoli  ta’ kif wieħed iżomm l-iġjene għalih u għal ta’ madwaru, u jelimina parti kbira mill-mikrobi komuni li jikkawżaw kull tip ta’ mard.