​Inħelsu għax xehdu mingħajr il-preżenza ta’ avukat

Qorti tal-Appell ikkonfermat il-ħelsien ta’ żewġt irġiel li ġew akkużati bi traffikar tad-droga, minħabba li xehdu mingħajr il-preżenza ta’ avukat.
Il-każ imur lura għall-2001, fejn Sandro Psaila u Saviour Azzopardi kienu ftehmu biex jiltaqgħu ma’ Taljan bil-għan li jakkwistaw id-droga permezz ta’ flus li ġabru mill-akkużat Raymond Bonello.
Fil-Qorti ħareġ li l-intenzjoni taż-żewġt irġiel ma kinitx li jimportaw id-droga, iżda li jisirqu l-flus kontanti minn Bonello wara li joqtluh.
L-irġiel sostnew fil-qorti li billi l-intenzjoni tagħhom kienet li joqtlu lil Bonello biex joħdulu l-flus, qalu li ma jistgħux jiġu akkużati b’importazzjoni ta’ droga. Huma nħelsu fuq il-bażi li l-evidenza fil-konfront tagħhom ma kinitx biżżejjed, u għaliex id-difiża qatt ma kellha ċ-ċans tagħmel kontro-eżami.
Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Appell iddeċidiet li Psaila u Azzopardi għandhom jinħelsu.