Inħarsu lejn is-salib ta’ Kristu u nħalluh jisfidana bl-aħħar għajta tiegħu

Fl-Omelija tiegħu fil-quddiesa ta’ Ħadd il-Palm, il-Papa Franġisku qal li l-aqwa rimedju għall-Insara hu li jħarsu lejn is-salib ta’ Kristu u jħalluh jisfidahom bl-aħħar għajta tiegħu.
Billi kien qed ikun iċċelebrat ukoll il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, il-Papa indirizza b’mod partikolari lilhom. 
Dan hu t-test tal-Omelija:
Ġesù daħal Ġerusalemm. Il-liturġija tistedinna biex naqsmu mill-ferħ u ċ-ċelebrazzjoni tal-poplu li jkanta tifħir 'l Alla;  ferħ li jispiċċa fix-xejn u jħalli togħma qarsa sakemm jispiċċa r-rakkont tal-Passjoni.  Din iċ-ċelebrazzjoni tgħaqqad flimkien stejjer ta’ ferħ u ta’ tbatija, żbalji u suċċessi li huma parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum, bħala dixxipli. Din l-istorja tesprimi s-sentimenti kontradittorji, li aħna wkoll, in-nies tal-lum nesperjenzaw: imħabba kbira u mibegħda kbira; il-kuraġġ li nissagrifikaw ruħna u l-kapaċità li naħslu idejna fil-mument importanti; il-ħila li mkunu leali imma wkoll il-ħila tal-abbandun u t-tradiment.
Permezz tal-Vanġelu nistgħu naraw ukoll li l-ferħ li Kristu jġib miegħu għal uħud hu sors ta’ rabja u dwejjaq.
Ġesù daħal fil-belt imdawwar bin-nies tiegħu fost kant u għajat. Nimmaġinaw li fost dak l-istorbju nisimgħu l-vuċi tal-Iben il-Ħali, il-lebbruż imfejjaq u tgħanniqa tan-nagħġa l-mitlufa.
Hemm ukoll l-għajat tal-Pubblikani u tal-bniedem midneb; il-karba ta’ dawk li qed jgħixu fil-periferija tas-soċjetà. Nisimgħu wkoll l-għajta ta’ dawk in-nisa u rġiel li mxew wara Ġesu’ għax tħassru t-tbatija u l-miserja tiegħu… Dik l-għajta hi l-għanja u l-ferħ spontanju ta’ dawk kollha li tħallew lura u ntesew u wara li resqu lejn Ġesù, issa jistgħu jgħidu: “Imbierek minn ġie f’isem il-Mulej”.  Kif jistgħu ma jfaħħrux lil min tahom lura d-dinjità u t-tama? Il-ferħ tagħhom hu l-ferħ ta’ tant midinba maħfura li jistgħu jafdaw u jittamaw mill-ġdid.
Dan il-ferħ u t-tifħir kollu hu sors ta’ skumdità, skandlu u jħawwad lil dawk li jqisu lilhom infushom bħala nies retti li josservaw il-liġi b’mod ritwali. Ferħ li dawk li jwebbsu rashom kontra l-uġiegħ, is-sofferenza u l-miserja, ma jissaportuhx. Ferħ li hu intollerabbli għal dawk li nsew il-ħafna opportunitajiet li huma stess kellhom.
Kemm hu diffiċli għal min hu komdu u jaħseb li hu bniedem rett, biex jifhem il-ferħ li ġġib magħha l-ħniena t’Alla! Kemm hu diffiċli għal dawk li jafdaw biss lilhom infushom u jħarsu 'l isfel fuq l-oħrajn, li jaqsmu f’dan il-ferħ.
U hawn jidħol għajat ieħor, l-għajta feroċi ta’ dawk li għajtu “Sallbu”! Din mhux għajta spontanja, imma bbażata fuq il-gideb, ix-xhieda falza u d-disprezz. Hi l-vuċi ta’ dawk li jgħawġu l-verità u jivvintaw stejjer għall-gwadann tagħhom bla ma jqisu l-isem tajjeb tal-oħrajn. L-għajta ta’ dawk li ma jsibux diffikulta ifirtxu li jaħtfu l-poter u jsikktu lil dawk li ma jaqblux magħhom. L-għajta li toħroġ mit-tidwir tal-fatti u jpinġuhom b’mod li jisfiguraw l-wiċċ ta’ Ġesu’ u jġibuh qisu kriminal.  Hi l-vuċi ta’ dawk li jridu jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom billi jiskreditaw lil dawk li ma jistgħux jiddefendu lilhom infushom. Hi l-għajta li turi l-kburija, l-arroganza ta’ dawk li jaħsbu li m’huma bżonn ħadd li ma għandhom ebda problema jgħajtu “Sallbu! Sallbu!”.
U allura ċ-ċelebrazzjoni tal-poplu tispiċċa fgata. It-tama titkisser, il-ħolm imut, il-ferħ jitwaqqaf: il-qalb tkun imxekkla u l-karità tiksaħ u tinxef. Hi għajta ta’ “salva lilek innifsek”, li ddallam is-sens ta’ solidarjetà, iċċajpar l-ideali u ttappan il-viżjoni tagħna… għajta li tħassar il-kumpassjoni.
Quddiem dawn it-tip ta’ nies, l-aħjar rimedju hu li nħarsu lejn is-salib ta’ Kristu u nħalluħ jisfidana bl-aħħar għajta tiegħu.
Hu miet jgħajjat l-imħabba tiegħu għal kull wieħed u waħda minnha, żgħażagħ u xjuħ, qaddisin u midinbin, għan-nies ta’ żmienu u ta’ żmienna. Aħna ġejna salvati bis-salib tiegħu u ħadd ma jista’ jeħdilna l-ferħ tal-Vanġelu; ħadd, f’ebda sitwazzjoni hi x’inhi mhu 'l bogħod mill-ħarsa ta’ ħniena tiegħu.
Li tħares lejn is-salib ifisser inħallu l-prijoritajiet, l-għażliet u l-azzjonijiet tagħna jkunu sfidati.  Irridu nistaqsu lilna nfusna kemm aħna sensivi għal dawk li jinsabu f’diffikultajiet. Fuqhiex hi ffukata qalbna? Ġesu’ Kristu għadu għajn ta’ ferħ u tifħir f’qalbna, jew il-prijoritajiet tagħna jħiegħluna nistħu nħarsu lejn il-midneb, il-minsi u l-iżgħar?
Għeżież żgħażagħ, il-ferħ li Ġesù jqajjem fikom, f’uħud minnkom iġib rabja u dwejjaq għax iż-żgħażagħ ferħana diffiċli timmanipulahom. 
Imma llum hemm it-tielet forma ta’ għajta li hi possibbli: “Uħud mill-Fariżej fil-folla qalulu, ‘Mgħallem, ċanfar lid-dixxipli tiegħek’. U Hu wieġeb: ‘Ngħidilkom, li jekk dawn jisktu, jitkellem il-ġebel’. It-tentazzjoni li ż-żgħażagħ jissiktu minn dejjem kienet hemm. Il-Fariżej stess ċanfru lil Kristu u qalulu biex isikkithom.
Hemm ħafna mod kif issikket liż-żgħażagħ u taħbihom. Ħafna modi biex tilluppjahom, iġegħelhom jisktu, ma jistaqsux u jiddubitaw minn xejn.  Hemm ħafna modi biex tikkalmahom, ma tħallihomx jinvolvu ruħhom u kif tagħmel il-ħolm tagħhom bla interess u ma joffri ebda sfida.
Illum, f’Ħadd il-Palm, kif qed niċċelebraw il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ nagħmlu tajjeb jekk nisimgħu lil Ġesù jwieħeb lill-Fariżej tal-passat u dawk tal-lum: Jekk dawn jisktu, jitkellem il-ġebel.
Għeżież żgħażagħ, li tgħajtu qiegħda fikom. 
Intom tridu tagħżlu jekk tgħidux Hosanna llum jew jekk tgħajtux “Sallbu!” nhar il-Ġimgħa. Sta għalikom li ma tibqgħux siekta.  Anke jekk l-oħrajn jibqu siekta, jekk aħna x-xjuħ u l-mexxejja nibqgħu kwieti, jekk id-dinja kollha tibqa’ siekta u titlef il-ferħ, nistaqsikom: “Intom titkellmu?”.
Nitlobkom, għamlu din l-għażla, qabel jitkellem il-ġebel.