Filmat: Inħares b’serjetà lejn rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-PE – Dalli

L-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli qalet li tħares b’serjetà lejn ċertu rakkomandazzjonijiet li għamlet id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew (PE) meta ġiet Malta f’Diċembru li għadda biex tinvestiga r-rispett lejn il-liġi (Saltna tad-Dritt).
Waqt intervista ma’ Newsbook.com.mt, Dalli qalet li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet huma dwar is-separazzjoni fl-irwoli tal-persuni li għandhom ċertu pożizzjonijiet fl-istituzzjonijiet Maltin.
Dalli qalet li hemm bżonn tibdil fil-liġijiet “illum qabel għada”. Stqarret li jekk wieħed ma jimxix ‘il quddiem, anke fejn tidħol riforma kostituzzjonali, ċertu problemi se jibqgħu preżenti. Skont il-MPE, hekk kif id-dinja tinbidel b’rata mgħaġġla, hekk ukoll iridu jinbidlu l-liġijiet biex jikkumplimentaw dan it-tibdil.
Dwar ir-rapport tal-PE Dalli qalet li dan jasal għal ċertu konklużjonijiet. Saħqet li wieħed imbagħad irid jagħraf liema jitkellmu dwar fatti u liema huma dwar allegazzjonijiet.
Dwar ir-riżenji tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, li sejjaħ għalihom ir-rapport tal-PE, Dalli qalet li wieħed irid jistenna r-riżultat tal-inkjesti maġisterjali li jinsabu għaddejjin dwarhom qabel tittieħed deċiżjoni. Qalet li jekk wieħed kellu joqgħod biss fuq allegazzjonijiet, il-konklużjonijiet ilhom li nqatgħu.