“Ieqaf, ara…u rritorna”

Ir-Randan hu żmien tajjeb biex nirrimedjaw dak li għandna żbaljat fil-ħajja Nisranija tagħna u nitħejjew tajjeb għall-proklamazzjoni tal-qawmien mill-mewt ta’ Kristu li ġġib magħha ferħ kbir u tama. Ejjew inħallu qalbna tħabbat f’armonija mal-Qalb ta’ Ġesù.
Dan kien il-messaġġ f’omelija mill-isbaħ li Papa Franġisku għamel f’quddiesa fil-Bażilka ta’ Santa Sabina f’Ruma nhar l-Erbgħa tal-Irmied, u li biha fetaħ il-perjodu tar-Randan Imqaddes.
L-omelija sħiħa
Aħna jkollna ħafna tentazzjonijiet u lkoll nafu d-diffikultajiet li rridu niffaċċjaw. B’dispjaċir ninnutaw li meta nkunu ffaċċjati minn ċerti ċirkostanzi f’ħajjitna jkun hemm min jieħu vantaġġ mit-tbatija u l-inċertezzi tagħna u jiżra' fina l-qtigħ il-qalb.
Jekk kif kienet tgħid Madre Tereża – il-frott tal-fidi hi l-karità, il-frott tal-qtigħ il-qalb hi l-apatija u r-rassenjazzjoni. Il-qtigħ il-qalb, l-apatija u r-rassenjazzjoni huma t-tliet xjaten li joqtlu u jipparalizzaw ir-ruħ tal-poplu li jemmen.
Ir-Randan hu ż-żmien biex nikxfu dawn it-tentazzjonijiet u nħallu lil qalbna tħabbat mill-ġdid f’armonija mal-qalb ta’ Kristu. Ir-Randan hu msawwar fuq din il-konvinzjoni li tittraduċi ruħha fi tliet kelmiet: ieqaf, ara u rritorna.
Ieqaf ftit, ħalli warajk dak li jimla qalbek b’sentimenti ta’ rabja li ma jwasslu mkien. Ieqaf minn dan il-ġenn ta’ ħajja mgħaġġla li tifred u tkisser il-ħin mal-familja, mal-ħbieb, mat-tfal u man-nanniet u anke l-ħin għal Alla.
Ieqaf mill-bżonn li turi lilek innifsek biex jarak kulħadd  u tidher kontinwament qisek ‘kartellun’ li jnessina l-valur tal-intimita’ u l-ġabra.  Ieqaf ftit, tibqax tħares biċ-ċiera, tibqax tmaqdar l-aktar lil dawk li huma vulnerabbli, muġugħa, dawk fl-iżball u fid-dnub.
Ieqaf ftit u ħallik mill-ħajra li trid tikkontrolla kollox, milli trid tkun taf kollox, tkisser kollox; għax dan jiġi meta tinsa l-gratitudni għar-rigal tal-ħajja. Ieqaf ftit u warrab minn dak l-istorbju li jtarrax li jnessina l-qawwa kreattiva tas-silenzju. Ieqaf ftit minn dik l-attitudni li toffrilek ħsibijiet sterili li huma frott tal-iżolament u li ma jħalluniex niltaqgħu mal-oħrajn biex naqsmu magħhom it-toqol  s-sofferenzi tagħhom.
Ieqaf ftit u armi l-vojt ta’ dak li hu istantanju, tal-mument, dak li jaħrab malajr u li jċaħħadna mill-għeruq, mir-rabtiet u mill-valur tal-kontinwità u l-għarfien tal-vjaġġ li jrid ikompli.
Ieqaf biex tara u tikkontempla.
Ara dawk l-affarijiet li jfakkruna fil-karità u li jżommu l-fjamma tal-fidi u t-tama ħajjin. Ħares lejn l-uċuħ ta’ madwarek li jirriflettu l-imħabba u l-ħniena t’Alla. Ara l-familja li tkompli għaddejja bi sfroz, jum wara l-ieħor biex tibqa’ miexja fil-ħajja u li minkejja d-diffikultajiet jagħmlu mid-djar tagħna, skejjel ta’ mħabba.
Ara l-uċuħ ta’ wliedna u ż-żgħażagħ tagħna imxennqa għal futur mimli tama u opportunitajiet, li għandhom bżonn il-protezzjoni. Ara l-anzjani li wiċċhom tkemmex bil-passaġġ taż-żmien u li juruna l-memorja ta’ niesna u jirriflettu l-għerf u l-ħidma ta’ Alla. Ara l-uċuh tal-morda tagħna u dawk li jindukrawhom, uċuh li fil-fraġilità tagħhom ifakkruna li l-valur ta’ kull persuna ma jista’ qatt ikun ridott għall-kalkoli ta’ bżonn u utilita’.
Ara l-uċuh mimlija rimors ta’ dawk il-ħafna li qed jippruvaw isewwu l-iżbalji tagħhom u li qed jissieltu biex jibdlu ħajjithom u jkomplu mexjin ‘l quddiem. Ħares u kkontempla lejn il-Kurċifiss li minn fuq is-salib ikompli joffrilna t-tama u li joffri idu lil dawk li jħossuhom imsallba, li f’ħajjithom fallew, li huma ddiżappuntati u b’qalbhom maqsuma.
Ara u kkontempla lil Kristu msallab għall-imħabba tagħna lkoll mingħajr eċċezzjoni. Għal kulħadd. Iva għal kulħadd. Li tara wiċċu hu invit mimli tama għal dan iż-żmien tar-Randan biex negħlbu x-xjaten ta’ qtiegħ il-qalb, l-apatija u r-rassenjazzjoni. Il-wiċċ li jistedinna ngħajtu: Is-Saltna t’Alla hi possibbli.
Ieqaf, ara u rritorna.
Irritorna lejn dar Missierek. Irritorna bla biża’ lejn l-idejn miftuħa għattxana li jħaddnuk magħhom, tal-Missier li hu għani fl-imħabba u li qed jistenniek.
Irritorna bla biża’ għax dan hu ż-żmien propizju li tiġi lura d-dar ta’ Missieri u Missierek. Hu ż-żmien li tħalli min imisslek qalbek. Jekk tkompli miexi fit-triq tal-ħażen se tkun imdejjaq u ddiżappuntat. Il-ħajja vera hi ferm differenti u distinta u qalbna dan tafu sew. Alla ma jegħjiex u mhux se jegħja joffrilna idejh.
Irritorna bla biża’ biex tieħu sehem fiċ-ċelebrazzjoni ta’ dawk li huma maħfura.
Irritorna bla biża’ biex tesperjenza l-fejqan u r-rikonċiljazzjoni ta’ Alla Ħalli l-Mulej ifejjaq il-feriti tad-dnub u jwettaq il-profezija li għamel lil missirijietna: Nagħtikom qalb ġdida, inpoġġi fikom Spirtu ġdid: u nieħu minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom waħda tal-laħam u ħajja. 
Ieqaf, ara u rritorna.