Inħallu lil Ġesù Bambin jitbissmilna

Il-Papa jżur l-ewwel presepju li kien għamel San Franġisk fi Greccio, l-Italja

Il-Papa Franġisku din il-ġimgħa żar Greccio fejn San Franġisk t’Assisi kien għamel l-ewwel presepju u talab biex “it-tbissima ta’ Ġesù Bambin li dawwlet il-lejl tal-Milied, twarrab l-indifferenza u tiftħilna qlubna għall-ferħ ta’ min iħossu maħbub minn Alla li jinsab fis-smewwiet.”

Waqt din iż-żjara l-Papa għamel riflessjoni qasira fejn talab lill-fidili biex ikunu bħal Marija u jħallu lil Ġesù jibdel il-mod kif naħsbu: “Ejjew inkunu bħal Marija, li poġġiet lil binha Ġesù f’maxtura għax fid-dar ma kienx hemm kamra għalihom. Magħha u ma San Ġużepp, żewġha, indawwru ħarsitna lejn il-Bambin Ġesu.”

“Jalla, t-tbissima Tiegħu li dawwlet il-lejl, iddawwal ukoll ħajjitna”. Quddiem din ix-xena sempliċi tan-natività jidher il-misteru kbir tal-fidi tagħna: “Alla tant iħobbna li ġie jaqsam magħna  l-umanità u l-ħajja tagħna”.

Alla jimxi magħna

“Alla qatt ma jħallina weħidna. Hu jimxi magħna bil-preżenza moħbija tiegħu, iżda mhux inviżibbli. F’kull ċirkostanza ta’ ferħ jew niket Hu l-Immanuel – Alla magħna”.

“Bħar-rgħajja ta’ Betlehem”, żied jgħid il-Papa, “Aħna naċċettaw l-istedina li mmorru fil-grotta, biex narawH u nimtlew bil-ferħ tiegħu”.

Il-Papa mar fi Greccio, li tinsab fil-provinċja ta’ Rieti, b’helicopter mill-Vatikan. Fil-pjazza tal-villaġġ sab jistennew xi morda u persuni bi bżonnijiet speċjali u waqaf ikellimhom mal-familji tagħhom.

L-Isqof ta’ Rieti, Mons. Domenico Pompilli; Il-il-Gwardjan tas-Santwarju, Dun Francesco Rossi u l-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Evanġeliżazzjoni, taw merħba lill-Qdusija Tiegħu malli wasal. Il-Papa mbagħad niżel fil-grotta u wara li talab, iffirma l-Ittra Apostolika “Admirabile Signum” dwar it-tifsira u l-valur ta’ din ix-Xena tan-Natività.  Imbagħad dam ftit jitkellem mal-patrijiet u s-sorijiet li nħabru fil-knisja.

Qabel ma ppresieda għaċ-Ċelebrazzjoni tal-Kelma, il-Papa Franġisku waqaf jitkellem mal-kor tat-tfal tal-iskola tal-post li kantaw għanja dwar il-ħajja ta’ San Franġisk u ma’ uħud minn dawk li ħadu sehem f’rappreżentazzjoni qasir tan-Natività li għamlu quddiemu