Inħallu lil Alla jinvadina b’imħabbtu

Papa Franġisku jbus xbiha ta' Ġesù Bambin fil-bidu tal-Quddiesa tal-Epifanija

Il-Papa Franġisku bħall-bqija tal-Knisja Kattolika l-bieraħ iċċelebra s-solennitàtal-Epifanija tal-Mulej u fl-Omelija tal-quddiesa tkellem dwar it-tifsira tal-Adorazzjoni: “L-Adorazzjoni hi t-tmiem u l-wasla tal-vjaġġ tal-Maġi, il-qofol tal-Epifanija. Jekk nitilfu s-sens tal-Adorazzjoni”, qal il-Papa, “nitilfu d-direzzjoni tal-ħajja nisranija, li hi vjaġġ lejn Alla u mhux lejna nfusna”.

L-Evanġelju jwissina dwar ir-riskju għal dawk li mhux kapaċi jaduraw. Minn Erodi “li uża l-kelma Adorazzjoni, imma biex iqarraq”, aħna nitgħallmu “li meta ma nadurawx lil Alla nispiċċaw naduraw lilna nfusna”. Il-qassisin il-kbar u l-għorrief, ukoll mhux kapaċi jaduraw. Għalkemm jafu l-profeziji u “kapaċi jikkwotaw kelma b’kelma”, mhux kapaċi jagħmlu dak li jgħidu.

“Fil-ħajja nisranija”, insista l-Papa “mhux biżżejjed li tkun għaref, jekk ma ninfatmux minna nfusna, ninfetħu għall-oħrajn u naduraw, ma nsirux nafu lil Alla”.

Il-fidi trid l-Adorazzjoni    

Papa Franġisku talab biex fil-bidu ta’ din is-sena l-ġdida, “niskopru mill-ġdid li l-fidi għandha bżonn l-Adorazzjoni”. L-Adorazzjoni jfisser li npoġġu lil Alla fiċ-ċentru u mhux lilna nfusna”.

Il-Qdusija Tiegħu spjega illi tadura jfisser li “tagħti spazju għall-Pjan t’Alla” u nifhmu li postna hu ma’ Alla u “li nkunu kapaċi nkellmuh bil-libertà u b’mod intimu”. L-Adorazzjoni jfisser li niskopru li “biex nitolbu biżżejjed ngħidu “Sinjur tiegħi, Alla tiegħi” u nħalluh jinvadina bl-imħabba tiegħu.”

L-Adorazzjoni teħlisna mill-idoli

Il-Papa żied jgħid li meta nitolbu fl-Adorazzjoni “inħallu lil Ġesù ifejjaqna u jibdilna permezz tal-imħabba Tiegħu u jixgħel dawl fid-dlamijiet tagħna, jagħtina s-saħħa fid-djufija tagħna u kuraġġ fil-ħin tal-prova”.

Meta naduraw lil Alla, Hu jeħlisna mill-iskjavitu tal-idoli tal-lum li ma għandniex naduraw, bħalma huma “l-alla tal-flus, l-alla tal-konsumeriżmu, l-alla tal-pjaċir, l-alla tas-suċċess, l-alla tagħna nfusna”.

Hu qal li “Adorazzjoni tfisser li nitbaxxew quddiem Alla l-Għoli, u fil-preżenza Tiegħu niskopru li l-kobor tal-ħajja ma jikkonsistix f’dak li għandna imma f’ li nħobbu”.

Tifsira tal-vjaġġ

“Ħafna nsara jitolbu iżda ma jadurawx”, qal il-Papa Franġisku. “Jiddependi minnha bħala Knisja li npoġġu fil-prattika dak li tlabna fis-salm “In-nies kollha tad-dinja jadurawk, Mulej”. Hekk biss, aħna, “bħall-Maġi niskopru it-tifsira tal-vjaġġ tagħna”.