“Inħallu f’idejn il-pajjiżi” – Casa u Dalli dwar il-ftuħ tal-ajruporti

Read in English.

Il-Membri Parlamentari Ewropej David Casa u Miriam Dalli qablu li għandhom ikunu l-istati membri tal-Unjoni Ewropea li jiddeċiedu meta jkun l-aħjar żmien għalihom li jiftħu l-ajruporti għat-turiżmu.

Huma kienu qed iwieġbu għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Uffiċċju tal-Informazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Malta dwar l-effetti tal-pandemija u x’inhuma l-isfidi li ġejjin.

Fil-jiem li għaddew, il-Membru Parlamentari Roberta Metsola kienet minn ta’ quddiem fil-Partit Popolari Ewropew li pproponew li l-pajjiżi tax-Schengen jerġgħu jiftħu l-fruntieri għas-sajf ta’ din is-sena. Hija kienet ikkritikata mill-MEP Laburista Alex Agius Saliba li qal li għandha tkun il-Professur Charmaine Gauci li tiddeċiedi għal Malta u mhux l-Unjoni Ewropea.

Newsbook.com.mt għaldaqstant staqsa lill-MEPs David Casa u Miriam Dalli dwar jekk jaqblux li għandha tkun l-Unjoni Ewropea li b’mod koordinat tiddeċiedi meta għandhom jinfetħu l-ajruporti jew jekk għandux ikun il-pajjiż li jiddeċiedi hu.

Il-Kwestur tal-Parlament Ewropew David Casa qal li n-negozjati għaddejjin bejn il-pajjiżi. Stqarr li mhux kull pajjiż jinsab fl-istess stadju tal-pandemija tal-coronavirus u fisser kif fir-Renju Unit u Spanja hemm xenarju differenti minn dak f’Malta. Qal ukoll li din id-deċiżjoni għandha tittieħed “bi djalogu, bi qbil u b’mod gradwali”.

Huwa semma wkoll il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea li ppreżentat ir-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Gvernijiet tal-pajjiżi Ewropej u qal li jaqbel ma’ dak li qalet il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Vestager li qalet li tħalli d-deċiżjoni f’idejn il-pajjiżi.

X’qed tipproponi l-Kummissjoni Ewropea?
L-UE tiddiskuti l-ftuħ tal-fruntieri minħabba t-turiżmu

Dwar l-istess mistoqsija, il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Miriam Dalli qalet li kull pajjiż jaf x’inhu l-aħjar għall-pajjiż tiegħu u għaldaqstant għandha tittieħed id-deċiżjoni abbażi tal-kunsiderazzjonijiet tas-saħħa pubblika u l-irkupru ekonomiku. Stqarret li għandhom ikunu l-pajjżi li jiddeċiedu.

Dwar it-turiżmu, Dr Dalli qalet li d-delegazzjoni Laburista ppreżentat il-proposti tagħha lill-Kummissjoni Ewropea u bħala grupp politiku intalab kumpens finanzjarju li jmur dirett għand l-operaturi turistiċi.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn